L-MUMN tisfida lil Fearne biex pazjenti ma jibqgħux rikoverati fil-canteen tal-ħaddiema ta' Mater Dei

Fearne qal li n-nuqqas ta' sodod f'Mater Dei huwa tort tal-azzjonijiet industrijali tal-MUMN u ġaladarba dawn twaqqfu mill-Qorti, l-MUMN qed tisfida lill-Ministru biex issa jagħlaq il-librerija medika u l-canteen tal-ħaddiema biex dawn ma jibqgħux jintużaw bħala swali

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel qed tisfida lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jordna minnufih l-għeluq tal-librerija medika u anke l-canteen tal-istaff biex dawn ma jibqgħux jintużaw bħala swali.

L-MUMN qed tagħmel dan għax qed tikkwota lill-Ministru Fearne jgħid li l-problema ta’ sodod f’Mater Dei hija riżultat tal-azzjonijiet industrijali tal-infermiera u li minħabba fihom ma kinux qed jittieħdu anzjani minn Mater Dei għar-residenza San Vinċenz de Paule.

Madanakollu, wara mandat ta’ inibizzjoni, din l-azzjoni industrijali twaqqfet għal kollox mill-Qorti u l-anzjani li suppost iddaħħlu f’San Vinċenz, se jkunu qed jiġu trasferiti kollha minn Mater Dei sas-7 ta’ Diċembru.

Kien il-Ministeru għas-Saħħa stess li ħa lill-MUMN il-Qorti fuq dawn id-direttivi. 

Propju għalhekk li l-MUMN qalet li ġaladarba l-Ministru weħħel fl-azzjonijiet industrijali għan-nuqqas ta’ sodod f’Mater Dei, u la l-azzjonijiet issa twaqqfu, qed jistennew li minnufih jingħalqu l-librerija medika u anke l-canteen tal-istaff li bħalissa qed jintużaw bħala swali, għax allura jfisser li l-problema ssolviet.

L-MUMN għalhekk ħarġet direttivi lill-infermiera kollha li jaħdmu f’dawn iż-żewġ swali proviżjorju biex mit-8 ta’ Diċembru ma jaċċettawx aktar pazjenti ġodda biex eventwalment dawn jagħlqu.

Fi kliemhom, issa se jistennew biex jaraw kemm Fearne se jżomm kelmtu u kemm hu minnu li n-nuqqas ta’ sodod fl-isptar kien riżultat tagħhom. 

More in Politika