'Jekk l-emenda issir ligi tkun is-sentenza tal-mewt għal eluf ta' trabi' - Grech

Bernard Grech saħaq li kif ikkumbatta għal-libertà u kontra l-kriminalità, il-PN se jikkumbatti favur il-ħajja

Il-Kap tal-PN Bernard Grech
Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Dalgħodu fil-Gudja l-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna illi jekk l-emenda li ressaq il-Gvern quddiem il-Parlament tidħol fis-seħħ tkun "is-sentenza tal-mewt għal eluf ta' trabi." 

Huwa sostna illi l-PN huwa "kollu kemm hu" favur il-ħajja u saħaq illi dak ta' bħalissa huwa "il-mument tal-verità." Sostna illi kif għamel fil-passat għal-libertà u kontra l-kriminalità l-PN se jikkumbatti kontra din l-emenda u se jibqa' jkun "favur il-familja, favur it-tfal u favur it-tarbija fil-ġuf."

Grech saħaq illi l-Partit Laburista u Robert Abela ingannaw lill-votant għax fl-ebda ħin ma wiegħdu illi se "jiddaħħal l-abort" qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, anzi qal illi l-PM kien wiegħed li se jikkumbatti l-abort. "Illum imma qed jikkumbattu biex idaħħlu l-abort," qal Grech. 

Għalhekk huwa appella sabiex dawk id-Deputati Laburisti li ma jaqblux ma' din l-emenda jitkellmu u jsemmgħu leħinhom u ma jibqgħux fis-silenzju - kif qal illi se tagħmel l-Oppożizzjoni. Huwa fil-fatt saħaq li din il-kwistjoni tmur lilhinn mill-politika partiġġjana, minkejja li nnota kif dawk li tkellmu fosthom mijiet ta' tobba ġew attakkati mill-Prim Ministru. "X'arroganza! Din il-libertà tal-espressjoni?" staqsa rettorikament. 

F'eku ta' dak li intqal mill-Oppożizzjoni fil-Parlament Grech fakkar li r-Renju Unit kien daħħal liġi simili li sussegwentement fetħet il-bibien għall-abort fi kwalunkwe każ. 

More in Politika