'Grech żeblaħ isem mara li tilfet tarbija... politiku fallut li għandu jirriżenja' - Moviment Graffitti

Il-Moviment Graffitti bi stqarrija iebsa ħafna kontra id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, li jisħqu illi fih prova jwaqqa' għaċ-ċajt mara fl-aktar mument vulnerabbli tagħha

Il-Moviment Graffitti faħħar l-emenda proposta mill-Gvern li tippermetti li tintemm tqala fejn il-ħajja u s-saħħa tal-mara jkunu f’riskju, filwaqt iżda li qalu li Bernard Grech għandu jirriżenja u li l-PN japoloġizza għal mod kif indirizza mara li kellha tgħaddi minn abort. "Ninsabu diżgustati bil-lingwaġġ abbużiv u vjolenti ta’ membri prominenti tal-Partit Nazzjonalista huma u jiddibattu din l-emenda importanti. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech żeblah il-kunjom ta’ Andrea Prudente li tilfet tqala prezzjuża għaliha u li flimkien mar-raġel tagħha, riedu jħarsu u jiċċelebraw. Grech tefa’ dawl ikrah fuq l-azzjonijiet ta’ Prudente fir-rigward ta’ tqala li tant xtaqet u insista li t-tobba kienu ‘iktar prudenti’ minnha," fakkar il-Moviment fi stqarrija. 

Filwaqt li sostna illi Grech iddieħak u waqqa' għaċ-ċajt mara fl-aktar mument vulnerabbli tagħha sostna li dan għandu jirriżenja minnufih u jitlob apoloġija.

"Aħna nagħrfu li l-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni huwa konxju li m’għadux jaf jilħaq liż-żgħażagħ li minnhom jiddependi sabiex jerġa’ jsib ruħu fil-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni konxju ta’ kemm ma jiflaħ iwassal xejn ta’ sinifikat fid-dibattitu pubbliku. Fuq kollox, bħala partit konservattiv mibni fuq limiti patrijarkali kbar, il-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni jibża’ jafda l-ġejjieni lin-nisa ta’ Malta u Għawdex," qal il-Moviment Graffitti fi stqarrija pjuttost skjaċċanti.

 "Il-Membri Parlamentari kollha tal-Partit Nazzjonalista, irġiel jew nisa, li ma tkellmux kontra r-retorika tal-mibegħda tal-mexxej tagħhom Bernard Grech huma politikanti falluti bħalu," temmet tgħid l-istqarrija tal-Movuiment Graffitti. 

Il-kritika tal-Moviment Graffitti tiġi wara dik - ugwalment skjaċċanti - ta' Lara Dimitrijevich u anke tal-editorjal ta' The Times ilbieraħ li wkoll saħaq illi Grech għandu japoloġizza għad-diskors li għamel fil-Parlament. 

 

More in Politika