'Fit-Triq bla Biża’' - Graffitti b'mixja f'San Ġiljan biex iqajmu kuxjenza kontra l-vjolenza fuq in-nisa

Graffitti qalu li l-mixja se ssir flimkien ma' 25 għaqda li se jitolbu d-dritt tan-nisa li jiċċaqilqu b’mod sikur fi spazji pubbliċi, irrispettivament mill-ħin, il-post u dak li jkunu lebsin

Il-Moviment Graffitti, bl-appoġġ ta’ aktar minn 25 għaqda Maltija, qed jorganizza l-ewwel marċ Reclaim the Night (Fit-Triq bla Biża’).

Il-mixja se ssir illejla, fis-7:30pm, minn ħdejn il-Monument tal-Imħabba f'San Ġiljan u l-gruppi se jimxu flimkien mal-front sa Ġnien Indipendenza, tas-Sliema.

Se jitqassmu stejjer dwar l-esperjenzi personali tan-nisa u l-vjolenza li jiffaċċjaw. L-għaqdiet se jesprimu  man-nisa Iranjani u Kurdi u se jkun hemm wirjiet mill-artisti nisa Maltin Alexandra Alden, JOON u Tina Camilleri.

"Se nkunu qed nimxu sabiex nitolbu d-dritt tan-nisa li jiċċaqilqu b’mod sikur fi spazji pubbliċi, irrispettivament mill-ħin, il-post u dak li jkunu lebsin. Reclaim The Night kien marċ li beda fl-1977 fir-Renju Unit biex biex jintalab d-dritt li n-nisa jkunu jistgħu jiċċaqilqu liberament u bla periklu bil-lejl fi spazji pubbliċi," qalu Graffitti fi stqarrija.

L-attività qed issir ukoll biex tfakkar il-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa, jum fejn titqajjem kuxjenza dwar il-vjolenza li n-nisa jesperjenzaw fil-ħafna forom fiżiċi, sesswali u psikoloġiċi tagħha. Din il-vjolenza tinkludi avvanzi sesswali mhux mixtieqa, stupru, femiċidju, traffikar tal-bnedmin, kif ukoll fastidju fit-toroq, fastidju ċibernetiku u abbuż psikoloġiku.

"Il-waqfien ta’ din il-vjolenza jibda billi (imma ma jiqafx s’hemm) n-nisa’ jiġu mismugħa u emmnuti. Bħala parti mill-attività, il-Moviment Graffitti stieden lill-pubbliku biex jissottometti l-istejjer tiegħu dwar nisa li esperjenzaw vjolenza għax kienu nisa – jew għax esperjenzawha huma stess jew għax rawha tiġri. Xi wħud minn dawn l-istejjer ġew maqsuma fuq il-paġna tal-attivita’ fuq Facebook bil-kunsens ta’ dawk li ssottomettew l-istejjer tagħhom, u ftit oħrajn se jinqraw filgħaxija. Hemm setgħa fil-qsim tal-istejjer."

L-attività hija organizzata mill-Moviment Graffitti u approvata minn aditus Foundation, Allied Rainbow Communities (ARC), Dance Beyond Borders, Dar Hosea, Dar Merħba Bik, Doctors for Choice, Empower, FIDEM Charity Foundation, Fondazzjoni Sebħ, Integra Foundation, IVY - Interrupting Violence towards Youth, Fondazzjoni Jean Antide, Malta Association of Women in Business, Malta Girl Guides, Malta Women's Lobby, Men Against Violence, MGRM, MMSA - Malta Medical Students' Association, Women's Rights Foundation, Migrant Women Association, SOAR, Women for Women, YMCA Malta, Young Progressive Beings (YPB) u Żminijietna - Voice of the Left.

More in Politika