Biżżejjed evidenza biex il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali jitpoġġa taħt att ta' akkuża

Sigmund Mifsud qed ikun akkużat li ħeba informazzjoni dwar każ ta' fastidju sesswali bil-Prosekuzzjoni llum tispjega kif Mifsud kellu diversi laqgħat u anke kien qed jipprepara pjan bil-għan li l-vittma ma tirrapportax il-każ u l-allegazzjonijiet ma joħorġux fil-pubbliku

Il-Qorti qalet li hemm biżżejjed evidenza biex il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Nazzjonali, Sigmund Mifsud, jitpoġġa taħt att ta’ akkuża wara allegazzjonijiet li hu ħeba informazzjoni dwar każ ta’ fastidju sesswali.

Waqt is-seduta tal-lum, l-Ispettur Gabriel Micallef li qed imexxi l-Prosekuzzjoni spjega dak kollu li ġara minn meta membru tal-orkestra akkużat uffiċjal għoli tal-istess Orkestra Nazzjonali b’fastidju sesswali.

Il-vittma rrapportat il-każ f’Novembru li għadda fl-għassa tal-Belt Valletta. Hija spjegat lill-Pulizija li l-fastidju beda fl-ewwel ġimgħat meta bdiet taħdem fl-orkestra.

Spjegat kif l-uffiċjal tal-orkestra, li dwar l-akkużi diġà wieġeb ħati u ngħata sentenza sospiża, kien joqgħod jimmassaġġalha spallitha u ftit ftit kien jibqa’ nieżel b’idu tul daharha.

Darba oħra, l-istess uffiċjal qabdilha l-warrani tagħha waqt li hi kienet qed titkellem ma’ xi ħadd ieħor. Każ ieħor seħħ waqt festin meta l-uffiċjal ġibdilha l-flokk l-isfel biex jikxfilha parti minn sidirha. 

L-Ispettur spjega kif il-vittma marret tirrapporta dawn il-każi lil Sigmund Mifsud u anke urietu l-messaġġi li kien jibgħatilha, inkluż ritratti. Madanakollu, Mifsud qalilha biex tħassar il-messaġġi u li kienu se jittieħdu passi.

Minkejja dan, il-fastidju baqa’ għaddej anke wara li l-vittma tkellmet.

Apparti minn hekk, kompla jixhed l-Ispettur, Mifsud kien beda jitkellem ma’ ħaddiema u mużiċisti oħra tal-orkestra dwar dawn l-allegazzjonijiet bil-għan li hi ma tmurx tirrapporta.

Meta l-vittma rreżenjat, il-Kap tar-Riżorsi Umani tal-Orkestra Nazzjonali, ipprepara imejl biex tintbagħat lis-Segretarju Permanenti iżda qabel ried jitkellem ma’ Mifsud.

Ġara li meta ltaqgħu, Mifsud qallu biex ma jibgħat l-ebda imejl u li kien se jitkellem direttament mal-vittma. 

L-Ispettur qal li Mifsud iltaqa’ ma’ diversi “uffiċjali għolja” biex jiddiskutu dan.

“Qal li jekk kien hemm mod kif jikkonvinċuha ma tirrapportax, dan ikun aħjar,” xehed l-Ispettur.

Laqgħa oħra saret mal-mużiċisti. Mifsud allegatament qalilhom li min jitkellem dwar dan il-każ se jkun meqjus “kompliċi.”

Spjega wkoll li waqt li l-Pulizija kienu qed jinvestigaw il-każ, dawn sabu diversi chats fuq Whatsapp bejn Mifsud u uffiċjal għoli fl-orkestra. Dawn kienu qed jiftehmu dwar pjan ta’ kontinġenza bil-għan li dawn l-allegazzjonijiet ma joħorġux fil-pubbliku.

Mifsud ġie arrestat fl-4 ta’ Novembru u waqt l-interrogazzjoni hu rrifjuta li jwieġeb diversi mistoqsijiet.

Intant, il-Qorti ħatret esperti bil-għan li jiġbru informazzjoni mill-mowbajls u tagħmir ieħor li jistgħu jkunu relevanti għall-każ. Ordnat ukoll li jsiru transcripts tal-messaġġi rrekordjati fil-chats tal-Whatsapp imsemmija aktar 'il fuq.

More in Politika