Intervista | ‘Fit-trasport hemm falliment kbir; Aaron Farrugia tilef il-kontroll u għandu jwarrab’

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Adrian Delia jgħid li sistema ta’ trasport tal-massa għandha b’mod urġenti terġa’ titpoġġa fuq l-aġenda nazzjonali u jkun hemm qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar kumitat ta’ esperti li jkun hu li jiddeċiedi dwar l-aħjar sistema 

It-traffiku jibqa’ fost l-akbar sfidi li għandu l-pajjiż. Toħroġ x’ħin toħroġ fil-ħinijiet tax-xogħol, xi mkien se teħel. Agħar minn hekk, l-inċidenti qed jiżdiedu u din is-sena rat l-akbar numru ta’ fatalitajiet. Dwar dan kollu, il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport, Adrian Delia li qed jinsisti li fit-trasport hemm “falliment.” 

Għalhekk, l-ILLUM tmur mill-ewwel għal għajn il-labra. Jaħseb li l-Ministru Aaron Farrugia għandu jwarrab. Delia kien skjett. “Mhux biss hawn min qed jitlef il-kontroll fuq l-istering, imma l-Ministru tilef il-kontroll tal-Ministeru.” 

Insista li Farrugia huwa inadegwat u lanqas biss assigura li l-Baġit jindirizza din il-problema. 

“Ħsieb xejn. Finanzi xejn. Pjanar xejn. Skandli kemm trid. Il-Ministru ma għandux jibqa’,” qal Delia. 

‘Kull ħmistax xi ħadd miet f’inċident tat-traffiku’ 

Iżda l-ILLUM tistaqsi li Delia għaliex jiġri x’jiġri kollox jeħel il-Gvern. Il-Gvern investa fit-toroq u saħanistra għamel it-trasport pubbliku b’xejn. Agħar minn hekk, għat-traġedji li seħħew, se jeħel il-Gvern? Kieku llum hemm il-PN fil-Gvern, ma kinux jiġru inċidenti? 

Delia beda jfakkar li din is-sena seħħew 24 inċident fatali, jiġifieri kull ħmistax, xi ħadd miet f’inċident tat-traffiku. Apparti minn hekk kienu rrapportati ‘l fuq minn 1,000 inċident li fih weġġgħu n-nies u 2,000 inċident aktar meta wieħed iqabbel mas-sena ta’ qabel. 

“Bdejna nitkellmu fuq it-traffiku, il-ħin u l-frustrazzjoni. Imbagħad bdejna nitkellmu fuq kemm it-traffiku qed jiswa flus lin-negozji. Komplejna nitkellmu fuq l-impatt ambjentali tat-traffiku. Imma issa, qed nitkellmu fuq l-agħar ħaġa possibbli, jiġifieri t-telf tal-ħajja,” insista Delia. 

Saħaq li jkun politiku bi ftit kredibbilità li jgħid li dawn il-fatalitajiet huma tort tal-Gvern imma fl-istess ħin qal li hemm diversi affarijiet li l-Gvern jista’ jagħmel. 

Skandlu TM: ‘Hawn mijiet li mhux suppost għandhom liċenzja’ 

Irrefera għal dawk li sejħilhom bħala “skandli” fi Transport Malta. Iffoka biss fuq il-każi ta’ korruzzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji. 

“Fit-toroq tagħna għandna min qed isuq minkejja li mhux suppost għandu liċenzja. Fil-Qorti taf x’intqal? L-istruzzjoni kienet: ‘morru u sakemm ma jiġux lura bil-karozza mimlija demm, għadduhom.’ Dawn huma xufiera fit-toroq tagħna. Hawnhekk iva trid tintrefa’ r-responsabbilità politika,” saħaq Delia.  

Iżda l-ILLUM twaqqfu u tistaqsih jekk jafx kemm hemm xufiera minn dawn, jiġifieri persuni li ngħataw il-liċenzja bi pjaċir. Qal li mill-informazzjoni li għandu hu, hemm mijiet ta’ xufiera li mhux suppost għandhom liċenzja u minkejja kollox, ħadd ma jaf kemm minn dawn il-liċenzji ġew irrevokati. 

‘30,060 vettura rreġistrati fuq barranin; Dawn jafuhom it-toroq?’ 

Kompla jikkwota aktar statistika u spjega kif f’Malta hawn 30,060 vettura rreġistrati fuq persuni barranin. Apparti minn hekk, hawn aktar minn 3,400 vettura liċenzjata biex jintużaw fil-ġar tal-passiġġiera. 

“Mhux qed ngħid dan għax barranin, imma rridu nistaqsu kemm dawk ix-xufiera barranin jafu t-toroq Maltin u kemm huma familjari mal-bidliet li jsiru fid-direzzjoni tat-traffiku meta jsiru x-xogħlijiet. Dan ukoll iżid it-traffiku,” insista Delia. 

Tkellem ukoll dwar l-infrastruttura tat-toroq inkluż id-dawl u l-immaniġjar. Insista li hawn toroq mudlama li filgħaxija diffiċli ssuq fihom. Filwaqt li rrikonoxxa li barra minn Malta jkun hemm toroq sħaħ bla dawl, insista li l-istess toroq ikollhom sinjali li jirriflettu d-dawl tal-karozza. 

“Anke dwar l-istat tat-toroq irridu nitkellmu. Mhux biżżejjed ngħidu li nfaqna miljuni fi triq, imma rridu naraw kemm fiha hu mmaniġġjat tajjeb it-traffiku.” 

Fi kliemu, il-Ministru Aaron Farrugia l-ewwel weħħel fil-festi, imbagħad weħħel fl-inċidenti li qed iwaħħlu t-traffiku, minflok bil-kontra u mbagħad f’kummenti ma’ din l-istess gazzetta weħħel fin-nuqqas ta’ Pulizija fit-toroq. 

“Għandu raġun dwar il-Pulizija imma ma ninsewx li kien hemm skandlu ieħor fit-Taqsima tat-Traffiku. Dawk il-Pulizija li ġew sospiżi minn din it-Taqsima, iddaħħlu oħrajn minflokhom?” staqsa Delia.  

Tkellem ukoll dwar l-uffiċjali ta’ Transport Malta. Qal li dawn iddaħħlu bl-għexieren imma staqsa jekk dawn ingħatawx taħriġ u jekk iva, x’tip ta’ taħriġ ingħataw. 

“Dawn qed jgħinu l-problema, qed iżidu l-problema jew huma parti mill-problema? X’inhu xogħolhom? X’suppost jagħmlu?”, kompla jistaqsi Delia.  

Tajjeb tikkritika, imma x’qed tipproponi? 

Iżda l-ILLUM twaqqaf lil Delia. Tirrikonoxxi li għandu raġun f’ħafna mill-argumenti tiegħu, iżda x’qed jipproponi l-PN? Tfakkru fi proposta li għamel il-konsulent reġjonali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, Jonathan Passmore waqt konferenza dwar is-sigurtà fit-toroq organizzata mill-organizazzjoni Doctors for Road Safety. 

Dan issuġġerixxa li l-awtoritajiet Maltin jikkunsidraw is-sistema Awstraljana tal-għoti tal-liċenzja tas-sewqan fejn id-drittijiet tal-liċenzja tas-sewqan jingħataw skont l-etajiet tax-xufiera u jekk ikunu għaddew minn testijiet preċiżi.  

Adrian Delia faħħar l-impenn ta’ dan il-grupp ta’ tobba u fakkar li anke l-President ta’ Malta stess, li huwa t-tabib, iddeskriva l-inċidenti li qed iseħħu bħala “tebgħa sewda fuq in-nazzjon.” 

Filwaqt li qal li din il-proposta għandha tkun diskussa u studjata, Delia insista li llum teżisti ħafna teknoloġija li tista’ tintuża biex tgħin biex jonqsu dawn l-inċidenti. Semma pereżempju li jeżistu karozzi li jkunu jistgħu jilħqu ċertu ammont ta’ veloċità iżda l-ispare-key tagħhom ikollha massimu ta’ veloċità. 

“Hawn teknoloġija li tista’ tiddetermina l-massimu tal-veloċità li biha wieħed jista’ jsuq. Immaġina missier li se jsellef karozza lill-ibnu u li jagħtih din iċ-ċavetta sakemm jikseb aktar esperjenza.” 

‘Mietu aktar nies bi problemi respirtorji milli bil-Covid; Għandna emerġenza’ 

Fakkar kif meta faqqgħet il-pandemija, Malta ddikkjarat Emerġenza tas-Saħħa Pubblika iżda spjega kif l-istatistika turi li fl-istess perjodu f’Malta mietu aktar nies b’mard respiratorju milli bil-Covid-19. Kompla jikkwota l-istess studju li juri kif dan il-mard, fl-aħħar 10 snin, żdied bi 48%. 

“Din hija emerġenza li ma ddikjarajnix u li dwarha mhux se nieħdu passi,” qal Delia. 

‘Aktar ġibjuni tal-ilma ħa niffrankaw l-għargħar...’ 

Iżda x’inhuma l-proposti tal-PN? Adrian Delia qal li ftit ilu, wara li l-Ministru Aaron Farrugia u l-Ministru Clayton Bartolo għamlu konferenza dwar xogħlijiet fl-Għadira, għamlet ħalba xita u għereq kull m’hemm. 

Fi kliemu, l-għargħar fit-toroq huwa kkawżat minħabba nuqqas ta’ ppjanar u dan ukoll jikkawża t-traffiku. Propju għalhekk li semma l-proposta tal-PN li għandu jkun hemm ġibjuni tal-ilma taħt kull grawnd, pitch, proprjetà u anke spazji miftuħa, fost oħrajn. 

Fakkar li meta fl-imgħoddi saru dawk imsejħa bħala storm-water-culverts bħal Birkirkara u l-Imsida, dawn il-proġetti ħadmu. Fi kliem Delia, soluzzjonijiet hemm imma mhux qed isiru. 

“Bini kullimkien. Nistaqsi kemm qed ikun hemm ippjanar u infurzar tal-liġi fejn jidħol il-bini ta’ bjar u ġwiebi. Qegħdin isiru? Ħafna aktar art qed tittieħed għall-bini, ħafna inqas għelieqi biex jixorbu l-ilma u ħafna inqas investiment fl-immaniġar tal-ilma. Mela fi żmien il-Kavallieri kienu jaħsbu kif se jimmaniġjaw l-ilma u aħna mhux kapaċi nagħmlu dan.” 

‘Teleworking: ma tgħallimna xejn mill-pandemija’ 

Apparti minn hekk, Delia qal li hemm ħafna affarijiet li jistgħu jsiru u li ma jiswewx flus iżda jridu ftit tal-ħsieb u leġislazzjoni. Semma, fost oħrajn, it-teleworking. Fakkar kif fi żmien il-pandemija, mijiet ħadmu mid-dar, inkluż nies fid-dipartimenti tal-Gvern u x-xogħol sar. 

“Mela fi żmien l-emerġenza tas-saħħa ħdimna mid-dar u issa meta għandna emerġenza għas-saħħa, ma tgħallimna xejn. Qabel kienu ta’ bilfors issa nistgħu nagħmluhom inċentivi. Immaġina kieku mqar għandek 20% tal-ħaddiema li jaħdmu bit-teleworking, kemm jonqsu karozzi fit-toroq,” kompla jispjega.

Immaniġjar aħjar tal-ħinijiet tal-iskejjel, tad-deliveries u l-ħwienet... 

Filwaqt li tenna li fis-sitwazzjoni preżenti, kull ħin sar rush-hour, insista li d-diskors tal-Baġit ma jsemmi xejn ħlief diskussjonijiet biex il-vannijiet tad-delivery jibdew joħorġu wara d-9pm. 

Iżda Delia qal li dan mhux biżżejjed. Irrefera għall-iskejjel u qal li huwa ċar li meta jibdew l-iskejjel, it-traffiku jiżdied u għalhekk qal li l-ħiniet tal-iskejjel jistgħu jkunu mmaniġġjati aħjar. L-ILLUM minnufih tisħaq miegħu li dan joħloq diffikultajiet anke għall-ġenituri li jaħdmu, iżda hu saħaq li għalhekk kollox irid isir bi pjan u bi ħsieb. 

“Apparti l-iskejjel u tad-deliveries, nistgħu nħarsu wkoll lejn il-ħinijiet tad-Dipartimenti tal-Gvern u tal-ħwienet. Qed nitkellmu fuq mases ta’ nies. Jekk nagħmlu kollox bi ħsieb nistgħu nsibu soluzzjonijiet. Barra minn Malta nafu bi bliet fejn il-ħwienet jiftħu fl-10am u jagħlqu fit-8pm. Nistgħu nagħmlu ħinijiet differenti bi pjan. Jista’ jkun hemm inkonvenjent, imma jista’ jkun hemm benefiċċji wkoll. Jekk isir bi pjan u kollox jaħdem katina, din tista’ tkun soluzzjoni.” 

‘Ninċentivaw liż-żgħażagħ biex ma jixtrux karozza ... qabel jagħlqu 18 jirranġaw bla karozza’ 

Dwar it-trasport tal-pubbliku b’xejn Delia fakkar li hu kien ilu jitkellem dwarha iżda insista li din waħedha mhijiex biżżejjed biex aktar nies jużaw it-trasport pubbliku.  

“Trasport b’xejn huwa inċentiv imma mhux biżżejjed. Jekk ikun hemm aktar frekwenzi, anke b’karozzi iżgħar, jaf ikun hemm differenza.” 

Iżda l-ILLUM terġa’ twaqqfu u tisħaq miegħu li l-Maltin iħobbuha l-karozza privata u bidla fil-mentalità tieħu ż-żmien. Delia qal li sakemm it-tfal ma jibdewx isuqu ma jkunux dipendenti fuq karozza u jirranġaw ma’ sħabhom fuq trasport u car-pooling u jużaw it-trasport pubbliku. 

“Ibqa’ oħloq inċentivi għaż-żgħażagħ biex malli jagħlqu 18 mhux ikollhom ġenn biex jixtru karozza. Din tista’ ssir u ż-żgħażagħ tagħna huma aktar konxji tal-ambjent. Tajjeb tagħti inċentivi biex żgħażagħ jixtru karozzi li ma jniġġsux imma aktar aħjar li tagħti inċentivi biex ma jixtrux karozza. Illum iż-żgħażagħ mhux dejjem jifilħu jixtru post. Jikru post b’€700 fix-xahar u ma’ dawn ikollhom €200 loan tal-karozza apparti spejjeż oħra. Jekk ma jkollhomx bżonn jixtru karozza, se jkollhom aktar flus fil-but,” kompla jisħaq il-Kelliem tal-PN. 

Apparti dan kollu, Delia saħaq li t-teknoloġija tipprovdi opportunitajiet, inkluż żvilupp ta’ Apps speċjalizzati għall-immaniġġjar tat-traffiku li jgħinu lis-sewwieqa jagħżlu l-aħjar rotta.  Fi kliem id-Deputat Nazzjonalista, kull ma hemm bżonn huwa ftit rieda politika.  

‘Jekk se nibqgħu nżidu l-popolazzjoni se jiżdiedu l-karozzi’ 

Iżda Delia fil-Parlament ilmenta għax qed jiżdiedu 65 karozza fit-triq kuljum. Dan li ppropona biżżejjed biex jonqsu? Kieku hu l-Ministru, kif se jnaqqas il-karozzi?  

“Li hu żgur huwa li ma jistax jiġi l-Ministru u jgħid li jrid aktar karozzi fit-toroq. Jekk se nżidu l-popolazzjoni, se jiżdiedu l-karozzi,” qal Delia. “Jiena ilni ngħid li l-mudell ekonomiku li nibbażaw it-tkabbir tal-ekonomija fuq l-importazzjoni tal-ħaddiema, mhuwiex tajjeb għal Malta. L-ewwel il-Gvern irribatini. Il-Ministru tal-Finanzi, li dak iż-żmien kien imexxi l-jobsplus u kien jixpruna din iż-żieda fil-barranin, issa qed jirrikonoxxi li għandna problema.” 

‘Naqblu fuq grupp ta’ esperti u jiddeċiedu huma fuq it-trasport tal-massa’

Lilhinn minn dan kollu, Adrian Delia insista li ċ-ċavetta ta’ kollox jibqa’ t-trasport tal-massa li l-Baġit ma semma xejn dwaru. Iżda l-ILLUM tfakkar lil Delia li fil-programm elettorali, il-PN wiegħed trackless tram li issa lanqas biss qed isemmiha. Għaliex? La kienu jemmnu li hija aktar vijabbli, għaliex mhux jinsistu dwarha? 

Delia beda jwieġeb li wara l-pompa li biha kien ħabbar l-istudji, kien jistenna li l-Baġit isemmi dan il-proġett, aktar u aktar meta l-problema tat-traffiku żdiedet u mhux naqqset. 

Insista li kienet għażla tiegħu li ma jsemmix it-trackless tram. Fi kliemu, il-prijorità tiegħu bħalissa hija li l-Gvern jerġa’ jtella’ fuq l-aġenda tiegħu l-proġett tat-trasport tal-massa. Qal li meta dan iseħħ, imbagħad jidħol fit-teknika u jitkellem fuq liema proġett ikun aktar vijabbli. 

Magħfus jgħid jekk għadux jaħseb li t-trackless tram hija aħjar, Delia qal li jemmen li hija aħjar mill-metro kif proposta mill-Gvern, iżda qal li xorta waħda lest jisma’ u jiddiskuti biex il-pajjiż jinvesti fl-aħjar sistema possibbli, anke għax it-teknoloġija dejjem tiżviluppa. 

“Hemm bżonn b’urġenza npoġġu dan il-proġett fuq l-aġenda nazzjonali. Jiena nipproponi li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jaqblu fuq grupp ta’ esperti li jistudjaw sistema serja ta’ trasport tal-massa u jkunu huma li jiddeċiedu.” 

‘Flok isolvi l-problemi, il-Gvern qed joħloqhom’ 

Qal li l-Gvern mhux talli mhux jipprova jsolvi l-problemi talli qed ikompli jżidhom u hawn akkuża lill-Gvern li għadu ffukat biex iġib lejn Malta turiżmu tal-massa minflok turist ta’ kwalità. 

“Il-Gvern irid jagħti d-direzzjoni anke lill-iżviluppaturi. Xi rridu? Elf turist li jġib ewro kuljum jew 500 turist li jġibu €10 kuljum. Hawn il-Gvern għamel għażla.” 

L-istess fejn jidħlu l-parkeġġi. Delia qal li għandu jkun hemm direzzjoni u ppjanar biex meta jsir żvilupp ġdid, anke jekk spazju miftuħ mill-Gvern f’ċentru ta’ lokal, taħtu jkun hemm parkeġġ. 

“Parti mill-problema huwa l-parkeġġ. Tmur tas-Sliema, tagħmel 20 minuta ddur u tgħaqqad bil-karozza. Dik karozza oħra ddur u tgħaqqad fit-triq.” 

‘Il-mina ma naqbilx magħha imma d-deċiżjoni għandha tkun tal-Għawdxin’ 

Jekk Delia jrid il-metro fuq l-aġenda, fid-diskors tiegħu qal li l-mina bejn Malta u Għawdex ma jridhiex. Għaliex ma kienx aktar ċar meta kien Kap tal-PN? Il-PN ma għadux jemmen f’referendum fost l-Għawdxin? 

Wieġeb li l-PN qatt ma qal iva imma dejjem insista li jsiru l-istudji, jiġu ppubblikati, issir konsultazzjoni pubblika u fl-aħħar jivvotaw l-Għawdxin. 

Qal li l-pożizzjoni tiegħu hija li mina bejn il-gżejjer, se teqred lil Għawdex imma qal li fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ jemmen li huma l-Għawdxin li għandhom jiddeċiedu għax lilhom tolqot direttament. Għalhekk saħaq li l-pożizzjoni tiegħu u tal-PN hija l-istess. 

Madanakollu saħaq li dan ir-referendum għandu jsir wara li jkun hemm servizz b’saħħtu, b’erba’ vapuri li jaħdmu tajjeb u ma jniġġsux, vapur ieħor għall-merkanzija u servizz ta’ fast-ferry sura ta’ nies. 

“Tgħidlix nivvota meta ħloqtli problema. L-ewwel nirranġaw dan kollu, nassiguraw li s-servizz qed jaħdem u mbagħad niddeċiedu dwar il-mina,” temm jgħid Delia. 

More in Politika