'Diamonds are forever'... Basta ma jkunux ġejjin mir-Russja, jisħaq il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew jappella sabiex tkun ipprojbita l-importazzjoni tad-djamanti mir-Russja, pajjiż li fil-fatt huwa fost l-akbar esportaturi ta' dak li jiswa' ħafna flus u jingħad illi jibqa' għal dejjem... 

Jgħidu li d-djamanti huma għal dejjem u d-diska tant popolari ta' Shirley Bassey tgħid li d-djamanti huma l-akbar ħbieb tan-nisa. Imma huma wkoll negozju li jiswa' biljuni kbar u li l-Ewropa timporta minn diversi pajjiżi, fosthom mir-Russja.  

Il-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni adottata din il-ġimgħa qed jipproponi li jkunu pprojbiti l-importazzjoni, il-bejgħ u t-trasferiment tad-djamanti - kemm jekk ipproċessati u kemm jekk le, li ġejjin minn Russja.  

Imma kont taf li r-Russja hija esportatur kbir tad-djamanti? Hekk hu u tafu liema huwa l-aktar pajjiż li jimporta djamanti mir-Russja? Il-Belġju, li fl-2021 importa xejn inqas minn 28.2 miljun karat fi djamanti. L-Emirati Għarab Magħquda kien it-tieni l-aktar pajjiż li importa djamanti mir-Russja bi kważi 13.3 miljun karat.  

Il-mistqosija hija jekk finalment il-Gvernijiet Ewropej jaslux biex jieħdu dan il-pass, ironikament u probabbilment fil-belt kapitali tal-pajjiż li jimporta l-aktar djamanti Russi! 

Ir-Russja tipproduċi 30% tal-fornitura tad-djamanti dinjin u kumpanija partikolari - Alrosa hija responsabbli għall-ħafna mill-minjieri li minnhom li jiġu estratti dawn id-djamanti. Interessanti li parti minn din il-kumpanija hija tal-Gvern Russu u hija mmexxija minn persuna li ġej minn familja qrib ta' Vladimir Putin.  

Il-Parlament qed jitlob lill-Kunsill ukoll sabiex jespandi il-lista ta' dawk ir-Russi li kontrihom hemm sanzjonijiet, fosthom dawk involuti f'deportazzjonijiet, dawk involuti f'referendums "illegali" kif ukoll elezzjonijiet "illegali" fil-Krimea u u Sevastapol.  

Apparti minn hekk qed isejħu għal embargo immedjat u sħiħ fuq l-Uranju u l-fjuwils, kif ukoll sabiex il-pipelines Nord Stream 1 u 2 jkunu kompletament abbandunati. 

Tajjeb infakkru illi Nord Stream 1 u 2  huma pipelines tal-gass bejn ir-Russja u l-Ġermanja, li kienu fl-aħbarijiet wara leak li kien hemm min interpreta bħala parti mill-attakk Russu biex iwaqqaf il-fornitura tal-gass lejn l-Ewropa - xi ħaġa li tista' twassal għal nuqqas kritiku ta' gass hekk kif issa t-temperaturi ewropej bdew neżlin.  

'Iżolawha lir-Russja..' - Jappella l-Parlament Ewropew 

Imma l-Parlament Ewropew qed jagħmel diversi proposti oħra. Mhux l-inqas, qed jordna illi l-forzi Russi jwaqqfu kull azzjoni militari, partikolarment f'ħoni residenzjali u fuq infrastruttura ċivili kif ukoll li l-forzi Russi jitilqu mit-territorju Ukren li huwa rikonoxxut internazzjonalment.  

Qed jipproponu li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jieħdu azzjoni sabiex jiżolaw lir-Russja internazzjonalment u dan billi titneħħa s-sħubija Russa f'organizazzjonijiet internazzjonali u mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonaijiet Uniti, fost oħrajn. Qed ikun propost lill-pajjiżi Ewropej biex ma jorganizzaw ebda avvenimenti formali fir-Russja, filwaqt li sejħu sabiex jitnaqqsu r-relazzjonijiet diplomatiċi u li l-kuntatt ma' rappreżentanti uffiċjali jinżammu fil-minimu assolut. 

Il-Parlament sejjaħ ukoll sabiex l-Istati Membri Ewropej jgħalqu u jipprojbixxu istituzzjonijiet Russi, ċentri kulturali Russi u missjonijiet li jaħdmu taħt it-tmexxija Russa.  

Takkuża lir-Russja illi hija Stat li japoġġja t-terroriżmu 

Ir-riżoluzzjoni hija partikolari għax qed takkuża lir-Russja illi huwa stat li jgħin lit-terroriżmu. Fil-fatt ir-riżoluzzjoni qed tisħaq illi l-UE għandha tiżviluppa qafas legali li permezz tiegħu jkun determinat liema huma dawk l-istati li jappoġġjaw lit-terroristi u li jużaw mezzi terroristi u li tinħoloq lista ta' dawn, illi fiha jkun hemm ukoll ir-Russja.  

Imma kif wasal għal din il-konklużjoni l-Parlament?  

Il-Parlament Ewropew jagħmel elenku twil ta' għaliex u kif wasal għal din il-konklużjoni. Mhux l-inqas l-attakki "indiskriminati fuq żoni residenzjali u infrastruttura ċivili li qatlu eluf u li laqtu skejjel, sptarijiet, teatri u anke stazzjonijiet tal-ferrovija."  

Fil-fatt din ir-riżoluzzjoni telenka wkoll in-numri li jpinġu stampa pjuttost kerha tal-gwerra. Xejn inqas minn 457 reat kontra ġurnalisti u l-midja fl-Ukrajna, fosthom 40 ġurnalist, kemm Ukren kif ukol barrani.  

Fakkru li b'kollox intefgħu 4,000 missila kontra l-Ukrajna u r-Russi tefgħu xejn inqas minn 24,000 bomba fuq l-Ukrajna. Inqerdu ftit biss inqas minn 61,000 binja ċivili - li jinkludu 42,818-il bini residenzjali, 1,960 istituzzjoni edukattiva, 396 istituzzjoni medika, 392 bini kulturali u 87 binja reliġjuża.  

Il-Parlament Ewropew fakkar fl-attakk li sar fuq teatru f'Mariupol  u attakk fuq stazzjon tal-ferrovija li ħalla 60 persuna mejta.  

"Ħafna nies kienu maqtula fl-Ukrajna, inkluż mijiet ta' tfal, u oħrajn li kienu ttorturati, attakkati sesswalment, maħtufin jew inkella li sparixxew," innota l-Parlament.  

Il-Parlament ipponta s-swaba' tiegħu direttament lejn ir-Russja għall-kriżi internazzjonali fil-fornitura tal-ikel, li qerdet stokks tal-ikel, li ħolqot interruzzjoni fil-produzzjoni u li r-Russja imponiet kwoti fuq ikel u fertilizzant tagħha stess, li jiġi esportat lejn l-Ewropa.  

"Ir-Russja hija riskju għas-sigurtà tal-Ewropa kollha u tal-ordni internazzjonali," qal il-Parlament li fakkar illi l-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja, il-Polonja u ċ-Ċekea diġà adottaw riżoluzzjonijiet fil-Parlamenti rispettivi tagħhom li permezz tagħhom iddikjaraw lir-Russja bħala stat terrorista jew inkella stat li jappoġġja lit-terroriżmu.  

Il-Parlament iħeġġeġ lir-Russi biex iqumu kontra Putin 

Finalment il-Parlament Ewropew appella lill-poplu Russu sabiex iqum u jirrifjuta li jiddaħħal f'din il-gwerra. Saħaq illi apparti dan iżda hemm bżonn li jipprotestaw "kontra r-reati ta' gwerra atroċi li qed twettaq ir-Russja." 

Il-Parlament Ewropew esprima l-appoġġ totali tiegħu lejn dawk ir-Russi ta' kuraġġ li qed juru l-għadab tagħhom kontra l-Gvern u appellat lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex iżidu l-għajnuna lis-soċjetà ċivili u lill-midja libera u sabiex tkompli toffri kenn lil dawk ir-Russi li qed jaħarbu mill-pajjiż minħabba theddid jew persekuzzjoni kontrihom.

More in Politika