Reġistru ta' agressuri ta' vjolenza domestika biex tipprevjeni milli jkun hemm aktar vittmi

Persuna tista' tagħmel talba ta' verifika jekk għandha xi dubju fuq is-sieħeb jew is-sieħba tagħha u tirċievi riżultat fi żmien 10 t'ijiem

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, fil-ftuħ ta' 16-il jum ta' kampanja kontra l-vjolenza domestika, tisħaq li l-Gvern qed tipproponi li se tniedi reġistru li fih jagħti rendikont ta' persuni li għamlu xi forma ta' vjolenza domestika.

Dan se jsir biex persuna li qiegħda f'relazzjoni tara jekk is-sieħeb tagħha, kemm mara jew raġel, għandhomx rekord ta' vjolenza domestika. Fil-każ ta' persuna li tkun trid tagħmel din it-talba, il-pulizija titkellem wiċċ imb'wiċċ magħha biex tivverifika u taċċerta li t-talba hija ġustifikata u skond il-liġi. Din it-talba xorta waħda tħares il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data personali kemm tal-persuna li tagħmel it-talba kif ukoll l-persuna li qed tintalab l-informazzjoni dwarha. 

Minn hemm jiskatta proċess li fih il-pulizija għandha żmien ta' 10 t'ijiem biex tivverifika jekk il-persuna li ntalbet l-informazzjoni dwarha hijiex f'dan ir-reġistru, jew le. Jekk ikun il-każ, il-persuna li għamlet it-talba tingħata twissija ta' riskju ta' vjolenza domestika u b'hekk "ikunu f'pożizzjoni li jieħdu deċiżjoni infurmata fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom stess." 

Apparti minn hekk dawn il-persuni jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar is-servizz ta' appoġġ li hawn għad-dispożizzjoni tagħhom.  

Minkejja dan, waqt il-konferenza il-parametri ta' kif se jkun deċiż it-talba hux ġustifikata jew le ma ġewx żvelati. Dan ifisser li mhuwiex ċar sa' issa min jista' jew ma jistax jagħmel din it-talba. 

Intant fil-ftuħ ta' din il-kampanja preżenti kien hemm il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika u Vjolenza ibbażata fuq il-Ġeneru li qalet li tinsab diżappuntata u rrabjata b'dak li rajna fl-aħħar jiem. Apparti minn hekk il-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet ma hemm l-ebda kliemt a' konsulazzjoni lejn il-ħbieb, qraba u wlied tal-vittma Bernice Cassar filwaqt li qalet ma jistax ikun li dawn il-vittmi ta' Femiċidju jintesew. 

"Dak li rajna jumejn ilu, juri li għad fadal ħafna aktar xogħol xi jsir. Ma rridux li jkun hemm aktar nies ibagħtu mis-silenzju. Kulħadd għandu d-dritt li jħobb u jkun maħbub u li jsib l-għajnuna għad-dispożizzjoni tagħhom, jekk jiġu bżonnha," temmet tgħid Abela. 

More in Politika