'Ixxukkjati u irrabjati! Kif ġara każ bħal dan? Irridu nagħmlu eżami tal-kuxjenza'

Rebecca Buttigieg qalet li huwa inaċċettabbli li persuna b'allegazzjonijiet serji, tkompli tgħix ħajjitha qisu xejn mhu xejn

"Ixxukkjati, irrabjati u għandna ħafna emozzjonijiet li diffiċli tesprimihom." Hekk qalet il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friġġieri b'reazzjoni għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar il-każi ta' femiċidju ta' Bernice Cassar u ta' Chantelle Chetcuti. 

Friggieri qalet li l-femiċidju huwa riżultat estrem ta' kultura partrijarkali u ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru. Żiedet tgħid li ħafna drabi l-vjolenza tibda' minn affarjiet ċkejknin ħafna li forsi jidhru insinjifikanti, f'forma ta' ċajta. "Kemm inti għaġba! Ħadt għalik? Imma imbagħad naraw l-estrem tagħhom f'dak li ġara ftit ilu." 

Kompliet tgħid li "jeħtieġ li naraw x'hemm bżonn li jsir u biex naraw dak li mhux qed jaħdem. Minkejja x-xogħol ta' kuljum, nistaqsi, kif kellu jiġri każ bħal dan? Irridu nieqfu u nagħmlu eżami tal-kuxjenza. Is-sistema tagħna nistgħu naġġornawha? Nistgħu nidentifikaw fejn eżatt fis-sistema qed tfalli? Żgur li hemm x'nirranġaw. Il-perfezzjoni ma teżistix," 

Hija kompliet tgħid li wasal iż-żmien li tintrefa' r-responsabilità u kemm jista' jkun ikun  hemm l-istrutturi kollha f'posthom u jkun hemm il-ġustizzja u kulħadd jieħu dak li ħaqqu. 

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u għall-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet mal-Illum li mhux aċċettabbli li persuna li hija imressqa l-Qorti u hi akkużata b'ċertu aġir jew li qatlet mara, tkompli tgħix ħajjitha qisu xejn mhu xejn. 

More in Politika