Il-Qorti tiddikjara li l-appell Kostituzzjonali ta' Repubblika dwar il-Maġistrat Nadine Lia għandu jinstema' b'urġenza

Il-President ta' Repubblika jisħaq li l-Qorti taqbel mal-attivisti li l-każ li huma għandhom kontra l-Kummissarju tal-Pulizija dwar nuqqas ta' azzjoni fil-konfront ta' uffiċjali tal-Bank Pilatus, huwa ta' importanza kbira

Il-President tal-organizzazzjoni Repubblika, Robert Aquilina qal li l-Qorti qablet magħhom meta ddikjarat li l-appell kostituzzjonali tagħhom dwar il-Maġistrat Nadine Lia għandu jinstema’ b’urġenza.

Repubblika qed jinsistu li l-Maġistrat Nadine Lia ma tibqax tisma' l-każ li huma fetħu kontra l-Kummissarju tal-Pulizija u n-nuqqas ta' azzjoni fil-konfront ta' uffiċjali tal-Bank Pilatus skont dak stipulat mill-inkjesta maġisterjali.

"Il-Qorti qablet magħna li dan hu każ ta’ importanza kbira," qal Aquilina waqt li fakkar li sakemm jinqata’ l-każ kostituzzjonali, il-kawża kontra l-Kummissarrju tal-Pulizija tkun sospiża u allura għalissa ma tinstema’ quddiem l-ebda maġistrat.

"Aħna ferm sodisfatti b’dan l-iżvilupp. Kuntenti li l-kawża kostituzzjonali issa ser tinstema’ b’urġenza akbar u li l-għola Qorti ta’ pajjiżna hi konvinta mis-serjeta’ kbira tal-każ li qegħdin nagħmlu," qal Cutajar.

Insista li huma ħerqana biex jidhru quddiem l-Imħallef Spiteri Bailey biex jispjegaw għaliex "bl-ostilità tagħha lejna u bil-kunflitti ta’ interess li għandha, Nadine Lia qatt ma tista’ ttina smiegħ xieraq"

"Qed nagħmlu din il-battalja biex innaddfu lil pajjiżna mill-qabda tal-qarnita mafjuża li ħakmitha. Qed nitkellmu bil-provi f’idejna. Se naslu," temm jgħid Aquilina.

More in Politika