30% biss tal-kunsilli lokali taw rendikont awditjat tal-finanzi tagħhom tul l-aħħar sena

L-Awditur Ġenerali b'rapport pjuttost iebes dwar il-kunsilli lokali u jisħaq li f'bosta kunsilli lokali hemm nuqqas ta’ ppjanar finanzjarju

Skont rapport skjaċċanti tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, 30% biss tal-kunsilli lokali daħħlu l-kontijiet awditjati tagħhom matul l-aħħar sena.

Ir-rapport kien pjuttost skjett fil-kritika tiegħu u tkellem dwar nuqqas ta’ ppjanar finanzjarju fil-kunsilli lokali.

Jgħid ukoll li l-flus tal-kunsilli lokali mhux qed jintużaw b’mod effiċjenti jew ekonomiku u dan ifisser li l-baġit mogħti lilhom mhux qed iservi. 

Sakemm l-Awditur Ġenerali ġie biex jippubblika dan ir-rapport, xejn inqas minn 16-il kunsill lokali fallew milli jissottomettu l-kontijiet awditjati tagħhom. Disa’ kunsilli lokali oħra fallew milli jwieġbu lill-istess uffiċċju.

Fi kliem l-Awditur, dan juri sens ta’ irresponsabbilità. 

Irrimarka li kien hemm xi kunsilli lokali li għamlu progress konsiderevoli anke bis-saħħa ta’ sforzi tal-amministrazzjoni biex ikun assigurat li l-kunsilli jingħataw l-appoġġ kollu biex jiksbu l-miri tagħhom. 

Madanakollu, l-istess rapport irrimarka li mhux il-kunsilli lokali kkolaboraw bl-aqwa mod possibbli mal-awdituri tal-Gvern.

Mill-kunsilli lokali li ssottomettew ir-rendikonti finanzjarji tagħhom, 11 temmew is-sena tagħhom b’defiċit.

Biex ikun miġġieled dan kollu, l-Awditur Ġenerali qed jirrakkomanda li d-Diviżjoni tal-Gvern Lokali jkun aktar iebes mal-kunsilli lokali u jekk hemm bżonn anke juża sanzjonijiet kontra dawn il-kunsilli li repetutament ifallu milli jilħqu r-rekwiżiti finanzjarji tagħhom.

More in Politika