'Kull każ se jkun ikkunsidrat għalih skont il-valur tal-art bħala waħda agrikola'

Ftit fatti dwar il-valur tal-qbiela skont il-Liġi li għaddiet mill-Parlament, f'kummenti tas-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri mal-ILLUM 

Hekk kif din il-ġimgħa l-Liġi tal-qbiela - jiġifieri l-ħlas li jagħti bidwi f'kirja għall-art tiegħu tressqet quddiem il-Parlament għat-Tielet Qari -  Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali Sharlo Camilleri iċċara eżattament mal-ILLUM li kuntrarjament għal perċezzjoni ta' bosta bdiewa mħassba l-qbiela mhux se jinħadmu għal 1.5% tal-valur kummerċjali jew ta' real estate tal-art li se tinħadem.  Iż-żieda fil-qbiela se tkun tiddependi u se tvarja, kull każ għalih u dejjem skont il-valur tal-art bħala waħda agrikola (u li allura tiswa' ħafna inqas!).  

Dan ifisser li meta jinħadem il-valur tal-art, li jgħodd huwa l-prodott li jikber fuq dik l-art u l-użu agrikolu li għandha u mhux il-lokalità jew il-veduta li għandha dik l-għalqa. Dan Camilleri qalu fid-dawl ta' inkwiet u biża' li l-bdiewa se jispiċċaw iħallsu 1.5% ta' kemm tiswa' għalqa bil-valur real estate, li faċilment tista' titla' għal €70,000 jew aktar.  

Huwa spjega ma' din il-gazzetta li hemm proċess sħiħ li jiddetermina kemm bidwi se jħallas qbiela, li jiskatta biss meta jsir rikors mis-sid ta' dik l-art.  

Meta sid jiftaħ rikors quddiem il-Bord tal-Qbiela jrid jgħid kemm qed jistenna li jieħu fi qbiela, filwaqt li l-bidwi minn naħa tiegħu jrid jispeċifika kemm hu jiflaħ iħallas.  

Imbagħad minn hemm jibda l-proċess jgħid mal-ILLUM Camilleri, li jisħaq illi dan il-bord iqis il-valur tar-raba' bħala art tar-raba', għall-użu ta' raba' agrikola. "Dan apparti li l-Bord iħares kemm lejn il-mezzi u anke t-tip ta' raba'." Ma ninsewx li raba' li fih jitkabbar ħaxix jew siġar tal-frott u raba' għall-qamħ u prodotti li jintużaw għall-magħlef tal-annimali - li ġeneralment ikun hekk għaliex ma jkollux biżżejjed aċċess għall-ilma - ikollu valur differenti.  

"Issa l-liġi qed tgħid li l-qbiela ma għandhomx jeċċedu l-1.5% tal-valur tal-art - maħdum fuq l-iskop agrikolu tal-art."  

Il-gazzetta ILLUM tistaqsi jekk sid ikollux dritt jieħu artu lura f'każ illi l-bidwi li qed iħallas il-qbiela mhux qed jużaha għal skop agrikolu, imma - per eżempju - biex fuqha jsiru picnics. Is-Segretarju Permanenti qal illi kif inhi l-liġi bħalissa diġà tindirizza tali sitwazzjonijiet u l-art li mhix intuża għal skop agrikolu diġà tista' tittieħed mingħand il-bidwi.  

'Każ, każ għalih..." 

Is-Segretarju Permanenti kompla jispjega illi fil-Liġi kif inhi hemm proviżjoni li tgħid illi l-Ministru tal-Ġustizzja u dak tal-Biedja għandhom dritt b'Legal Notice li jispeċifikaw x'inhuma l-parametri li fuqha jinħadmu l-qbiela. Il-gazzetta ILLUM mill-ewwel ġibdet l-attenzjoni u staqsiet jekk dan ifissirx li l-politiku jistax jaqbad allura u jbiddel il-mod kif jinħadem dan il-kalkolu li jiddetermina l-qbiela.  

Iżda hu jinnega u jiċċara li l-Ministri ma jistgħux ibiddlu l-qafas hekk kif approvat u allura l-linji gwida li jitrattaw il-fatt li l-1.5% tinħadem fuq art għal skop agrikolu jibqa' hemm. "Li qed tagħti dritt lill-Ministri jagħmlu huwa li jagħtu aktar dettalji ta' proċedura, metodu u ta' kriterju - bħal per eżempju dwar il-kundizzjoni tar-raba'."  

Huwa temm jgħid li għalhekk hemm ħafna fatturi li se jiddeterminaw kemm tiġi tfisser f'valur il-1.5% li Camilleri jerġa' jfakkar illi hija l-massimu ta' kemm tista' togħla l-qbiela u mhux kemm se jħallas kulħadd. Se jiddependi minn jekk jinfetaħx ir-rikors, x'jitlob is-sid, x'jiflaħ il-bidwi u anke t-tip ta' raba' in kwistjoni.  

"Għalhekk kemm se tiżdied il-kirja tal-art trid taraha każ, każ," temm jikkonferma Sharlo Camilleri.  

X'ippropona aktar il-Gvern fil-White Paper?  

A - Titwaqqaf Awtorità responsabbli għar-Raba’ li tħares ir-raba’ privata u anke l-pussess tiegħu. L-għanijiet tagħha jkunu erbgħa: 

  • Iżżomm reġistru tal-bejgħ, kiri u l-użu tal-art agrikola 
  • Tassigura li r-raba’ jibqa’ jinħadem għal skop agrikolu 
  • Tinċentiva l-akkwist tar-raba’ tal-privat minn bdiewa ġenwini li għandhom art agrikola mikrija lilhom, billi jingħataw dritt ta’ preferenza jekk is-sid jagħżel li jbigħ 
  • Takkwista permezz ta’ dritt mogħti lilha raba’ offruta għall-bejgħ biex din imbagħad tkun allokata lill-bdiewa ġenwini.

B - L-iżvilupp ta’ katast u reġistru tal-bejgħ. Fi kliem sempliċi, sistema ta’ informazzjoni dwar il-pussess u l-użu tal-art. Dan huwa importanti għall-monitoraġġ u l-ħarsien tar-raba’.  

Ċ -  Issir distinzjoni skont l-istatus tal-bidwi, bejn bdiewa attivi, bdiewa tal-passatemp u dawk ġodda li jixtiequ jidħlu fis-suq. Dan qed isir biex ikun assigurat li r-raba’ tkun f’idejn bdiewa ġenwini. Id-distinzjoni ssir skont il-valur tal-prodott li joħroġ mill-għalqa/razzett fuq perjodu ta’ sena 

D - L-Awtorità tkun aġġornata b’konvenji u l-eventwali bejgħ 

E - Eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni jekk l-art tinkera lill-bidwi 

F - Inċentivi fiskali lis-sidien tal-art li jikru l-art tagħhom 

Ġ - Taxxa fuq art agrikola meta din ma tkunx qed tintuża għall-iskop ta’ attivitajiet tal-biedja.

X'ipproponiet l-Oppożizzjoni? 

Intant din il-ġimgħa fi Stadju ta' Kumitat fil-Parlamentu allura fl-aħħar punt qabel din issir liġi ma ntlaħaqx qbil dwar il-proposti tal-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni pproponiet dan, fost oħrajn:  

A - Titwessa' d-definizjoni ta’ “raba’” fl-att prinċipali  u għaldaqstant tinkludi wkoll, “miġbħiet, strutturi agrikoli, irziezet tal-annimali u strutturi relatati” 

B - F’każi ta’ rziezet li l-bidwi juża’ bħala post ta’ residenza tiegħu, tkun identifikata l-parti mir-razzett li tkun qed taqdi l-bżonnijiet tal-bidwi biex jaħdem ir-raba’ tiegħu u dik li tkun qed sservi bħala r-residenza tiegħu 

More in Politika