Prosekuturi Ewropej jitolbu aktar informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fil-proġett tal-Junction tal-Marsa

Il-Prosekuturi talbu lid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reat Finanzjarji biex jiġbru aktar informazzjoni mingħand Arnold Cassola li qed jgħid li għandu f'idu evidenza diretta li tikxef il-korruzzjoni f'dan il-proġett

Il-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) għadu qed jinvestiga l-proġett tal-Junction tal-Marsa wara allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li fil-qalba tal-istess allegazzjonijiet, reġa’ hemm Yorgen Fenech.

Issa, il-Prosekutur talab lid-Dipartiment għall-Investigazzjoni tar-Reat Finanzjarji, fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, biex jitlob aktar informazzjoni mingħand il-politiku indipendenti Arnold Cassola li ppreżenta lill-Kummissarju tal-Pulizija chats u emails dwar l-istess allegazzjonijiet.

Cassola qal li ntalab imur id-Dipartiment fejn il-Pulizija infurmatu li l-EPPO qed jitolbu xi informazzjoni b’rabta ma’ din l-informazzjoni li waslet għandu mingħand whistleblowers.

Insista li huwa kkonferma l-istqarrija li għamel u ffirmaha u anke għadda xi informazzjoni ġdida.

Fl-aħħar jiem, Cassola ppreżenta lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa' dik li sejjaħ bħala "evidenza diretta" dwar illegalitajiet gravi b'rabta mal-proġett tal-Junctions tal-Marsa.

Cassola qal li ċ-chats jinkludu imejls bejn Fenech u anke kumpaniji Torok li eventwalment ingħataw dan il-kuntratt. Qal li dawn għaddew għandu minn whistleblowers anonimi.

Insista li dawn jinkludu evidenza ċara ta’ illegalitajiet f’dan il-kuntratt u li jinkludu prova ċara li l-kumpanija tal-biljunarju Tork Robert Yildirim kienet il-favorita li tirbaħ dan il-kuntratt qabel il-kumpanija Torka ta’ Ayhanlar Yol Asfaltlama.

Ta’ min ifakkar li dan wieħed mill-akbar proġetti infrastrutturali tal-pajjiż diġà qed ikun skrutinat minn prosekuturi Ewropej. 

It-Times of Malta żvelat li Yorgen Fenech kien imwiegħed €2 miljun mingħand il-kumpanija Torka ta’ Ayhanlar Yol Asfaltlama biex jgħinhom jirbħu dan il-kuntratt. 

Dawn il-flus kellhom jinqasmu, b’miljun minnhom jidħlu fil-kumpanija New Energy Supply Limited filwaqt li l-miljun l-ieħor kellhom jidħlu fil-kumpanija Wings Investments li hija marbuta mal-kumpanija sigrieta 17 Black.

It-Torok rebħu dan il-kuntratt f’Lulju tal-2018 iżda ftit wara fallew u x-xogħlijiet kienu waqfu. Minn taħt, il-kuntratt kien għadda f’idejn Yildirim, anke jekk dan ma kellu l-ebda esperjenza fil-qasam. 

More in Politika