Aġġornata | Titjira tal-Air Malta lejn Vjenna tirritorna għal inżul ta' emerġenza minħabba ħsara teknika

Hu mifhum li l-ajruplan dar lura lejn Malta meta ħareġ xi duħħan fil-kabina

L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta kkonferma li t-titjira tal-Air Malta KM514 lejn Vjenna, kellha tirritorna Malta għal inżul ta' emerġenza minħabba 'diffikultajiet tekniċi.'   

L-ajruplan niżel lura mingħajr problemi fit-8:07am filwaqt li t-Tim tas-Salvataġġ u t-Tifi tan-Nar, stazzjonat fl-Ajruport stess, mar minnufih fuq is-sit biex jassisti.

Il-passiġġiera tniżżlu minnufih u jidher li ħadd ma kellu bżonn għajnuna medika.

Skont sorsi li tkellmu ma' MaltaToday, it-titjira daret lura lejn Malta meta ħareġ xi duħħan fil-kabina. 

Fi stqarrija, l-Ajruport qal li t-titjiriet l-oħra ma ġewx affettwati minn dan l-inċident, filwaqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.

L-Ajruport irringrazzja lit-tim kollu tiegħu u anke dawk kollha involuti biex immedjatament ingħatat l-assistenza kollha li kien hemm bżonn.

Intant, fi stqarrija maħruġa aktar tard, l-Air Malta qalet li l-klijenti kollha se jkunu pprovduti akkomodazzjoni f’lukanda matul il-jum kif ukoll titjira oħra lejn Vjenna, li l-ħin tagħha għadu mhux ikkonfermat.

More in Politika