Fl-2023 l-ekonomija Maltija se tikber tliet darbiet aktar minn dik taż-żona ewro - Fitch

... Imma l-inflazzjoni se twassal biex ikomplu jonqsu l-flus fil-but, tbassar l-aġenzija li tagħti lil pajjiżna rating għoli ta' A+

It-tkabbir ekonomiku Malti għas-sena 2023 mistenni jkun ħafna akbar minn dak taż-żona ewro. Fil-fatt - f'rapport mill-Aġenzija Fitch - jirriżulta li t-tbassir ta' tkabbir ekonomiku għas-sena d-dieħla se jkun ta' 3.4% f'Malta, b'kuntrast għal -0.1% - u allura tkabbir negattiv -fiż-żona ewro. 

Fitch innutat ukoll it-tkabbir qawwi li esperjenza pajjiżna din is-sena bi tkabbir ta' 6.3% tal-Prodott Gross Domestiku, wara tkabbir qawwi ħafna ta' 10.3% fl-2021. Dan it-tbassir ta' tkabbir għal din is-sena, li issa waslet biex tintemm huwa 2% aktar mit-tbassir tal-istess aġenzija f'Mejju. 

Għas-sena d-dieħla Fitch tbassar li l-konsum privat - jiġifieri l-infieq tal-konsumatur - se jibqa' wieħed moderat "hekk kif id-dħul disponibbli jonqos, filwaqt li l-esportazzjoni tas-servizzi tkompli tirkupra hekk kif ukoll in-numru ta' turisti li qed jiġu pajjiżna baqa' 20% inqas mil-livelli tal-2019 fix-xhur tas-sajf li għadda 

Rating A+ - tkabbir qawwi, imma defiċit kbir!

Fitch tagħti rating għoli ta' A+ lill-ekonomija ta' pajjiżna, liema rating tgħid illi huwa kawża ta' diversi fatturi, fosthom it-tkabbir ekonomiku qawwi qabel il-pandemija u tnaqqis tad-dejn qabel il-pandemija. Tgħid ukoll li ċ-ċokon tal-ekonomija - vulnerabbli għal żviluppi esterni - u d-defiċits qawwija li ġew irreġistrati huma n-naħa negattiva tas-sitwazzjoni ekonomika kurrenti. 

Dwar il-qasam tax-xogħol Fitch qalet illi pajjiżna wera' saħħa kbira quddiem il-pandemija Covid-19 u anke l-kriżi tal-enerġija u fakkret li l-Gvern pprovda appoġġ mdaqqas lis-suq tax-xogħol, permezz ta' Wage Supplement "ġeneruża". L-aġenzija qalet ukoll li minkejja li l-Wage Supplement waqfet f'Mejju, dan ma ħoloqx impatti fuq is-suq tax-xogħol - u dan hekk kif bosta bdew jibżgħu li ż-żieda fl-ispiża tal-pagi tista' twassal għal tkeċċijiet. 

Fitch qed tbassar li s-sitwazzjoni tal-qgħad tibqa' taħt kontroll, għalkemm tiżdied b'0.2%. 

L-aġenzija semmiet ukoll l-ispejjeż tas-sussidju li qed joħroġ il-Gvern biex jilqa' għall-għoli fil-prezz tal-enerġija u qalet illi tifhem li se jagħmlu tajjeb għal dawn il-flus it-tneħħija ta' miżuri marbutin mal-Covid-19 u tfaddil 

'Baġit ta' tkabbir ekonomiku'

Jissemma wkoll il-Baġit li għadu kemm tħabbar bl-aġenzija ssejjaħlu "baġit b'attenzjoni espansjonista". Issemmi l-miżuri li tħabbru biex jilqgħu għall-inflazzjoni, iż-żieda fil-COLA, żieda fiċ-children's allowance, ċekkijiet u żieda fl-għajnuniet lil persuni vulnerabbli.
Minn naħa l-oħra l-aġenzija Fitch issemmi l-Air Malta bħala waħda mill-inċertezzi fiskali tal-pajjiż u tfakkar li l-Kummissjoni Ewropea għad trid tapprova bailout lill-kumpanija, liema bailout għadu mhux magħruf kemm jista' jkun kbir jew żgħir. Tinnota wkoll iżda li għaddej proċess ta' ristrutturar u anke skemi ta' rtirar kmieni. 

Kompliet tfakkar ukoll li l-Kummissjoni Ewropea ħadet lil Malta quddiem il-Qorti fuq il-bejgħ taċ-ċittadinanza, skema li jekk titwaqqaf tkun tfisser bejn 0.3% u 0.4% inqas dħul. 

U finalment dwar il-Greylisting ta' Malta mill-FATF, l-aġenzija tagħti opinjoni xi ftit jew wisq imħallta. Minn naħa tgħid li l-fatt li Malta tneħħiet mil-lista wara biss sena "illimita r-riperkussjonijiet negattivi." U minn naħa l-oħra fakkret li dan wassal biex Malta tilfet bil-kbir mill-pożizzjoni tagħha fil-World Governance Indicators tal-2021, fost l-akbar tnaqqis ta' pajjiż mid-dinja kollha.

Intant fi stqarrija l-Partit Laburista sostna li dan kollu hu xhieda ta’ kemm il-politika ekonomika tal-amministrazzjoni preżenti qed tagħmel differenza reali fil-ħajja tal-familji f’pajjiżna, kif ukoll kif qed tgħin lill-industrija lokali tibqa’ kompetittiva. 

"Il-Gvern qed jinvesti bis-saħħa fil-futur ħalli jiggarantixxi prosperità ġdida u Malta tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba," temm jgħid il-PL.

 

More in Politika