BirdLife tieħu l-Gvern quddiem il-Qorti; Titlob li l-kaċċa fuq il-gamiem tkun iddikjarata 'illegali'
BirdLife Malta fakkret li anke l-Kummissjoni Ewropea mistennija tibda proċeduri kontra Malta
More in Politika
BirdLife Malta fakkret li anke l-Kummissjoni Ewropea mistennija tibda proċeduri kontra Malta
BirdLife Malta se tkun qed tieħu lill-Gvern quddiem il-Qorti wara l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fuq il-gamiem.
Aktar kmieni din is-sena, f’April, il-Ministeru għal Għawdex u anke dak għall-Ambjent iddikjaraw il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa fuq din l-ispeċi vulnerabbli. Fi stqarrija, BirdLife qalet li se tkun qed tisfida lill-Gvern dwar din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti u qed titlobha biex tiddikjara din il-prattika bħala waħda illegali, bil-għan li dan l-istaġun tal-kaċċa jispiċċa darba għal dejjem.
Id-Direttiva tal-għasafar tal-Unjoni Ewropea tipprojbixxi l-kaċċa fir-rebbiegħa minħabba li f’dan il-perjodu ħafna speċi ta’ għasafar ikunu qed ipassu. Madanakollu, sa issa, Malta dejjem invokat deroga li ngħatat meta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.
BirdLife Malta qed tisħaq li l-kaċċa fuq il-gamiem, li hija meqjusa bħala speċi vulnerabbli, tikser din id-Direttiva.
Wara r-referendum tal-2015, dwar il-kaċċa fir-rebbiegħa, il-Unjin Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), iddikjarat il-gamiema bħala speċi vulnerabbli.
“Dan, madanakollu, ma affettwax id-deċiżjoni tal-Gvern Malti u l-kaċċaturi għadhom jistgħu joqtlu l-gamiem fir-rebbiegħa,” qalet BirdLife waqt li fakkret li anke l-Kummissjoni Ewropea qed tipprepara biex tieħu passi legali kontra Malta.
Fakkru wkoll li anke fi żmien il-kampanja elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru Aaron Farrugia, dak iż-żmien responsabbli mill-ambjent, kienu wiegħdu li l-istaġun se jerġa’ jinfetaħ. Fil-fatt, hekk ġara.
Propju għalhekk li BirdLife Malta qalet li ħadet id-deċiżjoni li tiġġieled dawn “l-illegalitajiet” fil-qrati Maltin.