Sandra Gauci titfa' dubji fuq kemm l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri se titwettaq f'ħames snin

Id-Deputat Chairperson tal-ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet illi minkejja li l-proposti jidhru sbieħ u ambizzjużi 'r-rekord ta’ dan il-Gvern fejn jidħlu il-ħtiġijiet tan-nisa jġiegħlna niddubitaw'

Sandra Gauci
Sandra Gauci

"Nipproponu”, nistudjaw u nesploraw huma t-tliet termini komuni li qegħdin jintużaw, mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg meta ħabbret l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri," innutat d-Deputat Chairperson tal-ADPD – The Green Party Sandra Gauci li sostnet ili jekk wieħed jara l-kawtela li biha - skont hi - mexa ;-Gvern fuq il-każ tal-mekkaniżmu dwar il-Ġeneru fil-Parlament, dan ma jawgurax tajjeb. 

Il-Gvern qed jipproponi li titnaqqqas l-VAT fuq prodotti mentsruwali, li n-nisa fuq bordijiet pubbliċi jkun u jgħoddu l-40% bħala minimu, kif ukoll l-introduzzjoni ta’ kontraċezzjoni b’xejn huma il-punti ewlenin immressqa f’dan il-pjan bit-tir li jitwettqu fuq medda ta’ ħames snin. Hemm propost ukoll il-proviżjoni tal-Morning After Pill (MAP) mill-isptar Mater Dei u l-isterilizzazzjoni volontarja.

Gauci qalet li filwaqt li dawn il-proposti jidhru ambizzjużi ħafna "għandek il-problema, ngħidu aħna, li l-proposta li l-MAP tkun ipprovduta fl-isptarijiet diġà kienet twegħdet imma dan qatt ma seħħ." Hija qalet illi dan qed iwassal biex vittmi ta’ stupru mhux biss ikollhom jiffaċċjaw it-trawma li jkunu għaddew minnha imma jaħlu ħin prezzjuż u flus biex isibu minn fejn jixtru l-MAP, jekk mhux ukoll ikollhom jiffaċċjaw domandi mhux f’lokhom mill-ispiżjara.

Hija qalet li t-tnaqqis tal-VAT biex jevita il-faqar waqt il-period għandu jsegwi il-mudell tal-Gvern Skoċċiż li ddikjara t-tampons u l-pads bħala meħtieġa għan-nisa tant li għandhom jingħataw b’xejn. "Dawn għandhom jingħataw lil kull min jitlobhom. F’Malta is-saħħa bażika speċjalment fil-qasam tan-nisa dejjem ingħatat il-ġenb u deċiżjonijiet jieħdu ħafna fit-tul biex jitwettqu."

Gauci temmet tgħid li minkejja li dawn il-proposti jidhru sbieħ fuq il-karta, "ir-rekord ta’ dan il-Gvern fejn jidħlu il-ħtiġijiet tan-nisa jġiegħlna niddubitaw jekk ħames snin hux se jkunu biżżejjed biex titwettaq l-istrateġija."

More in Politika