1579 - Numru ġdid għal dawk li għandhom bżonn għajnuna fuq problemi ta’ saħħa mentali

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Isptar Monte Karmeli fejn kien irreġistrat progress fl-implimentazzjoni ta’ aktar minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċju tal-Awditur

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne nieda uffiċjalment il-helpline l-ġdid tas-servizzi tas-saħħa mentali 1579 li se jkun qed joffri l-ewwel assistenza lill-persuni li jħossu l-bżonn li jirrikorru għall-għajnuna meta jesperjenzaw problemi ta’ saħħa mentali. Dan il-helpline se jkun qed jilqa’ t-telefonati 24 siegħa kuljum u huwa mmexxi minn grupp ta’ psikologi mħarrġin speċifikament għal dan it-tip ta’ servizz.

“Dan is-servizz huwa ħolqa ġdida li se jingħaqad mal-katina ta’ servizzi offruti mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali sabiex il-persuni li jirrikorru għall-għajnuna jkollhom servizz komprensiv u komplut,” sostna l-Ministru Fearne. Huwa stqarr li permezz ta’ servizz bħal dan immexxi mill-awtoritajiet għas-saħħa stess se jkun iżjed faċli li l-klijenti jirċievu servizz komplut li jibda mill-ewwel għajnuna u jibqa’ għaddej bis-servizzi tal-crisis resolution home treatment, servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità jew saħansitra sa servizzi ta’ sptar, skont il-bżonn. 

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne rrefera għar-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar l-Isptar Monte Karmeli fejn kien irreġistrat progress fl-implimentazzjoni ta’ aktar minn nofs ir-rakkomandazzjonijiet tal-uffiċju tal-Awditur, inklużi dawk meqjusa bħala kruċjali. Il-Ministru Fearne laqa’ l-kummenti tal-Awditur li nnota li t-tmexxija tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali għandha intenzjoni ċara li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet li jirrigwardjaw it-titjib strutturali u l-atmosfera tal-isptar, b’rinovazzjoni u x-xogħlijiet strutturali jiġu mwettqa f’aktar minn nofs is-swali tal-isptar. Huwa rringrazzja lill-individwi kollha li wasslu għal dan it-titjib filwaqt li reġa’ sostna li l-Gvern għandu r-rieda politika li jagħti l-ikbar prijorità lil dan il-qasam.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali, Anton Grech, sostna li dan il-helpline huwa parti mill-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali. Huwa qal li permezz tal-għajnuna tal-professjonisti tal-1579, iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jistgħu jirċievu l-ewwel għajnuna immedjatament, filwaqt li se joffru wkoll mezz effiċjenti ta’ kif persuna tista’ tibda tirċievi iżjed servizzi ta’ saħħa mentali fil-komunità.

More in Politika