Jo Etienne Abela jingħata l-awtorizzazzjoni tal-Kabinett biex jagħmel operazzjonijiet bla ħlas

Il-Kabinett qabel li s-servizz ta' Abela huwa 'meħtieġ f'interess nazzjonali' 

Il-Kabinett tal-Ministri awtorizza lill-Ministru għall-Anzjanità Attiva, il-kirurgu Jo Etienne Abela biex jagħmel numru limitat ta' operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika mingħajr ħlas.

Il-Kabinett evalwa din il-proposta skont l-artiklu 7.2 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u qabel li s-servizz tal-Ministru Abela fil-kirurġija huwa "meħtieġ fl-interess nazzjonali." Il-Kabinett evalwa wkoll ġustifikazzjoni mis-Servizz tas-Saħħa Pubblika li tirreferi għal numru ta' kundizzjonijiet tas-saħħa serji fejn il-kompetenzi tal-Ministru Abela huma meħtieġa.

L-awtorizzazzjoni mogħtija lill-Ministru Abela tirreferi għal numru limitat ta’ sigħat li jiġu determinati mill-esiġenzi mediċi, tapplika għal operazzjonijiet fis-Servizz tas-Saħħa Pubblika biss, u mingħajr ħlas. Il-Ministru Abela mhux se jkollu pazjenti tiegħu u se jkun qed jassisti konsulenti oħra.

Il-Ministru Abela ntalab joħroġ mill-laqgħa tal-Kabinett waqt li kienet qed tiġi diskussa din il-kwistjoni. 

More in Politika