Dalwaqt se tkun obbligat tissepara l-iskart... L-ERA tgħid li dan se jwassal biex titjieb l-indafa fit-toroq

Sa issa ma hemm l-ebda obbligu għas-separazzjoni tal-iskart, sitwazzjoni li qed twassal għall-ammont konsiderevoli ta’ skart riċikabbli li qiegħed jintrema ma’ skart imħallat

L-Awtoritá tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fetħet konsultazzjoni pubblika fuq l-introduzzjoni ta’ Separazzjoni tal-Iskart Mandatorja għal kulħadd fis-sors, inkluż entitajiet governattivi, djar, postijiet kummerċjali u organizzazjonijiet oħra.

Sa issa ma hemm l-ebda obbligu għas-separazzjoni tal-iskart, sitwazzjoni li qed twassal għall-ammont konsiderevoli ta’ skart riċikabbli li qiegħed jintrema ma’ skart imħallat (Il-borża sewda) u b’hekk jintilef. Il-Pjan tal-Ġestjoni tal-iskart ta’ Malta 2021 – 2030 jiddentifika l-implementazzjoni tas-separazzjoni tal-iskart mandatorja fis-sors bħala miżura prinċipali intiża biex izżid l-isforzi li jwasslu għat-titjib fil-kwantità u l-kwalità ta’ materjal riċiklat, waqt jitnaqaqs il-volum ta’ skart li jintbgħat fil-miżbliet, skont l-obbligi tal-UE.

L-ERA qalet illi r-regolamenti proposti għas-separazzjoni tal-iskart mandatorju ser ikunu pass kbir 'il quddiem għal pajjiżna, f’termini ambjentali "li se twassal għal żieda fir-riċiklaġġ u tnaqqis drastiku tal-iskart mħallat li jintrema fil-miżbliet sa 2035. Is-separazzjoni tal-iskart mandatorja ser twassal ukoll għat-titjib fl-indafa ta’ żoni residenzjali u kummerċjali permezz ta’ kampanja edukattiva u qafas legali li ser jiskoraġixxi ir-rimi ta’ boroż ta’ skart illegali f’positijiet pubbliċi bħal bankini."

L-ERA temmet tgħid li s-separazzjoni volontarja tal-iskart fid-djar tagħna saret aktar popolari f’dawn l-aħħar snin, fejn fl-2021, Malta rreġistrat rekord fl-ammont ta’ skart separat illi nġabar. Madanakollu, il-kunsilli lokali, eNGOs u stakeholders oħra sejħu għal regolamenti ta’ separazzjoni tal-iskart mandatorji, sabiex iżżid ir-rati ta’ riċiklaġġ u tiġi konsolidata il-ġestjoni u infurzar ta’ ġbir tal-iskart.

Dak li qed ikun propost....

Qed jiġu proposti żewġ emendi għal avviżi legali li għandom il-għan li jintroduċu s-separazzjoni tal-iskart mandatorja fis-sors fi ħdan il-leġislazzjoni nazzjonali, primarjament ir-Regolamenti dwar l-Abbandun, ir-Rimi u t-Tneħħija ta’ Skart fit-Toroq u f’Positjiet jew Żoni Pubbliċi.

Dawn ir-regolamenti ser jiġu introdotti ma’ kampanja edukattiva nazzjonali tul ta’ sitt xhur sabiex jiġi żgurat illi l-pubbliku huwa nfurmat b’mod adegwat qabel dawn il-liġijiet jidħlu fis-seħħ.

L-infurzar ta’ dawn ir-regolamenti ġodda ser jiġu introddoti b’mod gradwali sabiex jiġi żgurat perjodu għall-addatazzjoni waqt li titqajjem kuxjenza dwar dawn l-obbligi ambjentali. L-abbozzi ta’ dawn ir-regolamenti ġodda jistgħu jitniżżlu minn fuq is-sit eletronniku era.org.mt. L-ERA tistieden l-istakeholders kollha sabiex jissottomettu l-opinjoni tagħhom permezz ta’ email [email protected] sa mhux aktar tard minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2022.

More in Politika