L-ekonomija kibret u l-prezzijiet komplew jogħlew: Ħarsa lejn ix-xhur April sa Ġunju skont il-Bank Ċentrali

Il-Bank Ċentrali b'rapport li jagħti ħarsa lejn it-tieni kwart tas-sena... 

Rapport tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li jitratta t-tieni kwart ta' din is-sena (April sa Ġunju) juri kif matul dan il-perjodu it-tkabbir ekonomiku kien wieħed tajjeb ħafna, anke jekk l-inflazzjoni kompliet terfa' rasha. Fil-fatt il-Bank Ċentrali, fir-rapport tiegħu, juri kif il-Prodott Gross Domestiku żdied bi kważi 9% fuq bażi annwali, wara żieda ta' 8.1% fl-ewwel kwart tas-sena. 

"Tkabbir aktar mgħaġġel kien sostnut minn żieda fil-kontribut tal-esportazzjoni netta, li issa hija konformi ma’ dik tad-domanda domestika," qal il-Bank Ċentrali li wera' wkoll kif dawn ix-xhur kienu wkoll immarkati minn żieda fl-inflazzjoni. Fil-fatt l-indiċi tal-prezzijiet kien ta' 6.1% f'Ġunju, żieda qawwija mill-4.5% f'Marzu. Ta' min wieħed ifakkar li l-inflazzjoni baqgħet tiżdied biex skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika laħqet is-7.6% f'Settembru, bil-prezzijiet tal-ikel ikunu l-akbar kontributur għal din iż-żieda. 

Il-Bank Ċentrali nnota li żieda fl-inflazzjoni fis-servizzi kienet l-istimolu ewlieni taż-żieda fl-inflazzjoni minn Marzu ’l hawn, għalkemm il-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti industrijali li mhumiex relatati mal-enerġija rreġistraw ukoll żieda aktar mgħaġġla. 

L-iżviluppi fis-suq tax-xogħol baqgħu pożittivi, qal il-Bank Ċentrali, li fakkar illi l-livell tal-qgħad baqa' wieħed baxx b'2.9% - simili għal dik tal-kwart ta' qabel u inqas mit-3.4% li kien is-sena ta' qabel. 

Ir-rata tal-qgħad f’Malta kienet ukoll ferm taħt ir-rata medja ta’ 6.6% għaż-żona tal-ewro.

Matul it-tieni kwart tal-2022, id-defiċit tal-gvern ġenerali naqas meta mqabbel ma’ dak irreġistrat fl-istess perjodu tal-2021. 

More in Politika