Għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta se jinfetħu l-assoċjazzjonijiet li jbiegħu l-kannabis b'mod sigur

Dan minkejja li l-liġi ġiet approvata ftit inqas minn sena ilu

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi, Rebecca Buttigieg naqqset milli tagħti indikazzjoni ċara ta' meta se jkunu qed jibdew joperaw l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jbiegħu l-kannabis.

Is-sena li għaddiet, Malta saret l-ewwel pajjiż fl-Unjoni Ewropea li uffiċjalment illegalizza l-użu tal-kannabis rikreattiva. Il-liġi tipprovdi li persuna tkun tista' żżomm sa seba' grammi kannabis u tkabbar sa erba' pjanti d-dar.

Tgħid ukoll li għandhom jinfetħu klabbs irregolati fejn il-kannabis tkun tista' tinbiegħ biss lill-persuni li jkunu rreġistrati u skont l-ammonti stabbiliti. Dan sar bil-għan li persuna tkun tista' tixtri l-kannabis b'mod sigur mingħand persuni lliċenzjati.

Madanakollu, dawn l-assoċjazzjonijiet, kif qed isejħilhom il-Gvern, għadhom ma nfetħux, bis-Segretarju Parlamentari tgħid mal-MaltaToday li s-settur huwa wieħed kumpless u l-affarijiet iridu jsiru sew.

Sadanittant, min jieħu l-kannabis, jista' jew ikabbarha d-dar jew inkella jibqa' jixtriha kif kien jagħmel qabel, jiġifieri b'mod illegali.

Is-Segretarju Parlamentari insistiet li din kienet riforma importanti u kuraġġuża u tinsab ċerta li l-Gvern se jasal.

More in Politika