‘Il-kriżi fl-immaniġjar tal-iskart ma ġiex f’ħames snin… Ġie ikkawżat minn 90 sena ta’ alabiebiżmu’

Il-miżbla se togħla bi 15-il metru biex “nevitaw kriżi.” Imma kellna naslu s’hawn? Għaliex ma ħsibniex minn qabel? X’inhuma l-pjanijiet tal-futur? U wara kollox, hemm pjan?  

L-għeruq tal-problema tal-immaniġjar tal-iskart hija waħda lokali u riċenti. Fil-fatt kważi ħmistax ilu l-Awtorità tal-Ippjanar (PA) approvat il-permess, imressaq mill-WasteServ, biex il-miżbla tal-Għallis togħla bi 15-il metru ieħor, “bil-għan tkun evitata kriżi ta’ skart.” Din l-estensjoni mhux se ssir biex tikkompeti mal-Mercury Tower f’San Ġiljan, iżda għax Malta għadha qed taffaċċja r-realtà ta’ skart eċċessiv u l-waste-to-energy plant, magħruf ukoll bħala l-inċeneratur, fadallu minn tal-inqas tliet snin biex jitlesta. Fil-fatt il-mira hi li l-iskart li jmur fil-miżbla irid jonqos għal 10% biss meta l-iskart iġġenerat bħalissa huwa ta’ 90%. 

Din il-problema l-Gvern u l-WasteServ ma ħasbuhiex qabel? Bi pjanar serju, l-estensjoni ma setgħetx ġiet evitata?  

L-ILLUM marret b’dawn il-mistoqsijiet għand il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ Richard Bilocca u b’ċertu sarkażmu qal, “ippjanar… F’Malta? Użgur li le.” Madankollu huwa rribatta li hu mhux qiegħed jirreferi għall-ippjanar mill-aktar riċenti, iżda dak tal-passat. Tant hu hekk li saħaq li l-kriżi ta’ llum, ma ġietx ikkawżata mil-lum għal għada jew fi żmien ħames snin, anzi jgħid li hi kkawżata minn “90 sena ta’ alabiebiżmu.”  

Huwa żied jgħid li llum qed inbatu deċiżjonijiet li ttieħdu fis-snin 60 u li l-mentalità ta’ dak iż-żmien kienet li jiġi allokat wied u għaldaqstant b’kanal diġà eżistenti dan jimtela’ bl-iskart “u imbagħad isibu sit ieħor. Ovvjament dan mhux tajjeb u żgur li ma kienx hemm ippjanar tajjeb.”  

Minkejja dan jemmen li l-fatt li se ssir estensjoni tal-miżbla u mhux jintuża sit jew wied ieħor hija prova ċara li dan huwa pjan. Dan apparti li għamel aċċenn għall-ippjanar fit-tul li għandha l-WasteServ, jiġifieri dak tal-impjant tal-waste-to-energy, dak tal-EcoHive.  

“Jekk se nagħmel pjan, mhux se jkun imfassal għal ħames snin biss, għalkemm l-EcoHive parti mill-pjan tal-immaniġġjar tal-iskart ta' ħames snin. Il-pjanijiet tiegħi iħarsu lejn l-20 sena li ġejjin,” qal Bilocca.  

‘Jien niskanta bil-kritika tal-Oppożizzjoni… Dan hu d-diżastru li ħallejtu warajkom!’ 

L-aħbar tal-estensjoni ma ntlaqgħetx tajjeb mal-Oppożizzjoni fil-fatt fi stqarrija, il-Kelliem għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali Janice Chetcuti qalet li l-Gvern, “minflok ma jirsisti biex pajjiżna jkun aktar effiċjenti u effettiv fil-mod kif l-iskart jista’ jibda jiġi sfruttat b’mod aktar nadif u b’anqas danni fuq saħħitna u fuq l-ambjent, qed jintuża’ ‘dan il-cushion’, hekk kif ġie deskritt u spjegat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, minħabba li soluzzjoni għadha ma nstabitx u għalhekk, kellhom jirrikorru għal din l-estensjoni.”  

“Il-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern għal 25 sena u ħalla warajh miżbliet biss. Għalhekk ninsabu fejn aħna illum il-ġurnata u sfortunatament ma nistgħux infaqqgħu subgħajna u nirranġaw kollox,” irreaġixxa Bilocca.  

Intant f’din l-istess stqarrija Chetcuti qalet li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid li, ta’ kull sena, jikkometti ruħu li jżid 50,000 metru kwadru ta’ art Barra miż-Żona tal-Iżvilupp (ODZ) li diġà teżisti u tingħata prijorità assoluta fejn tidħol żieda konsistenti fl-afforestazzjoni ta’ pajjiżna. 

Fuq hekk Bilocca sostna li ma jistax jifhem kif dan il-pjan qed jirċievi daqstant kritika meta fi kliemu, dan se jevita milli “nirrikorru u neqirdu siti importanti oħra.”  

“Wegħdu li se jagħtu 50,000 metru kwadru fis-sena. Aħna diġà irritornajna Wied Fulija fiż-Żurrieq u l-Qortin f’Għawdex. It-tnejn kienu miżbliet. Illum it-tnejn huma siti rijabilitati.”  

Wied Fulija, b’daqs ta’ 50,000 metru kwadru fi żmien 36 sena, mill-1968 sal-2004, iġġenera 600,000 tunnellata ta’ skart imħallat. Fil-fatt għal numru ta’ snin dan is-sit ma kellu ebda sistemi biex jikkontrollaw l-iskart. Ir-riperkussjonijiet ta’ dan kienu gass u taħlita ta’ likwidi ikkontaminati u perikoluż bla rażan, tant li eventwalment wasslu għal ħafna dħaħen u nirien fl-akkwati. Maż-żmien din iż-żona ġiet rijabilitata u llum il-ġurnata hemm riserva tal-ilma, ħafna arbuxelli u sar park għan-nies u l-klieb.  

Simili għal dan, iżda fuq skala ikbar, huwa Wied Fulija. B’daqs ta’ 91,000 metru kwadru, fi żmien 17-il sena din il-miżbla kellha fiha 1.85 biljun kilo ta’ skart. B’investiment ta’ €4.5 miljun minn Fondi Ewropej, dan is-sit ġie rijabilitat ukoll u ġew miżrugħa 43,000 siġra u arbuxell. 

‘Mhux lest li ntappan il-kwalità tal-proġett biex isir aktar malajr’ 

Lura għall-punt. Bilocca tenna li l-għażla temporanja li kellhom jagħmlu saret fl-aħjar interess tal-ambjent u għaldaqstant bl-inqas impatt. “Jekk għandi sit li diġà huwa kompromess, għaliex għandi nieħu aktar art agrikola għal ftit żmien? Inkunu qed nagħmlu disservizz jekk miżbla li tiflaħ 70 metru inħalluha b’50 u nieħdu sit ieħor minflok.”  

Kompla jgħid li hu m’għandu l-ebda problema li jirċievi l-kritika, anzi qal li huwa pass importanti biex l-affarjiet isiru kif xieraq. Madankollu jenfasizza għal darba, darbtejn li l-kritika għandha tkun informata. 

Bilocca qal li jħoss ċertu sens ta’ rabja meta l-immaniġjar tal-iskart “jintuża għal raġunijiet partiġġjani filwaqt li nibqgħu ngħidu li l-WasteServ mhijiex serja. Jekk verament l-Oppożizzjoni taħseb hekk, nistieden lill-membri tagħha, jew persuni oħra b’dubju u nispjegaw kollox. Aħna m’għandna l-ebda problema u aħna trasparenti ħafna fuq kif noperaw, fil-fatt għandna l-informazzjoni kollha fuq is sit tagħna.”  

Żied ukoll li l-immaniġġjar tal-iskart m’għandux jintuża bħala ballun politiku għax fuq kollox “dan hu l-futur ta’ uliedna u jekk niżbaljaw il-pajjiż jispiċċa, litteralment u metaforikament, miżbla.” Sostna li wasal iż-żmien li l-partijiet ikkonċernati kollha jingħaqdu, nirrikonoxxu li għandna problema ta’ skart u niġbdu ħabel wieħed.  

“Dik hi x-xewqa tiegħi, li kulħadd jiġbed ħabel wieħed,” qal Bilocca.  

Fakkar li l-impjanti ma jsirux f’qasir żmien, speċjalment għaliex hemm proċess li jieħu fit-tul. Kemm biex isir il-pjan, sakemm isir il-kuntratt u biex jintagħżlu l-materjali, fost oħrajn. “Minkejja li qed nagħmlu minn kollox biex ix-xogħol isir kif suppost u kif allokat, minix lest li nikkomprometti l-governanza tiegħi biex niffranka xahrejn. Filwaqt li mhux mixjin bil-mod, mhux se naqbeż ċertu passi a skapitù tal-kwalità tal-proġett.”  

Apparti minn hekk qal li “ma nistax nagħmel bħal 15-il sena ilu. Inqabbad lil xi ħadd biex jibnili Power station u ssir. Għandna proċess kompettitiv u regolat.”  

‘Il-Gvern hu serju fuq dawn il-kwistjonijiet’  

Bilocca sostna li l-pjan tal-immaniġjar tal-iskart “mhux kliem fl-arja” u li l-pjanijiet għall-immaniġġjar tal-iskart ilhom fis-seħħ minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri fl-2004.  

Żied li l-Gvern huwa serju fuq dawn il-kwisjontijiet speċjalment għaliex “poġġa fuq il-mejda l-ikbar ammont ta’ investiment għall-immaniġġjar tal-iskart.”  

Madankollu lejn l-aħħar ta’ din l-intervista Bilocca stqarr li issa li għandna l-policies u li se jkollna l-infrastruttura jonqos biss ħaġa waħda li verament għandha tagħmel differenza, il-mentalità tal-poplu.  

“Il-Gvern għamel il-parti tiegħu u tana l-flus għall-infrastruttura, biddel anke l-policy. Issa n-nies iridu jikkoperaw,” temm jgħid mal-ILLUM Richard Bilocca.  

L-ILLUM madankollu ma tistax ma tistaqsix: “dejjem ngħidu li rridu nibdlu l-mentalità u noħolqu kuxjenza. Kif?” Ir-risposta għal dan Bilocca jagħtiha fit-tieni parti ta’ dan l-artiklu li se jiġi ppublikat il-ġimgħa d-dieħla.  

More in Politika