'L-AĠ mhux ogħla mil-liġi' Imħallef jiċħad it-talba biex Buttigieg u spettur ma jixhdux fil-każ ta' Pilatus

Robert Aquilina jgħid li Victoria Buttigieg inqabdet f'gidba u jappella biex jibda' proċeduri ta' impeachement 

Imħallef Christian Falzon Scerri ċaħad l-applikazzjoni ta' spettur mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet ta' Reati Finanzjarji (FCID) u dik tal-Avukat Ġeneral (AĠ) li fiha talbu lill-Qorti biex ma jixhdux fil-kawża tal-bank Pilatus. Din il-kawża, imressqa minn Repubblika, ma titrattax il-każ tal-bank innifsu iżda fuq in-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Pulizija biex iressqu uffiċjali tal-bank quddiem il-Ġustizzja. 

Repubblika qed tallega li l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg ħarġet Nolle Prosequi lis-sid tal-bank Ali Sadr Hasheminejad, lill-operations supervisor Luis Rivera, lid-Direttur Ghambari Hamidreza u uffiċjal tal-bank Mehmet Tasli. In-nolle prosequi huwa proċess li permezz tiegħu ma jinbdewx proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna, minkejja li Maġistrat ikun kkonkluda f’Inkjesta Maġisterjali li għandhom jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna. 

Għaliex u l-AG u l-Ispettur ressqu żewġ riskorsi biex ma jixhdux? 

F'konferenza tal-aħbarjiet il-President tal-Għaqda mhux Governattiva (NGO) Repubblika qal li l-għaqda ġiet infurmata li l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur ressqu żewġ rikorsi nhar il-Ġimgħa li għaddiet, ftit mumenti qabel ma jagħlaq ir-reġistru tal-Qorti, li permezz tiegħu huma talbu biex ma jixhdux. 

Tajjeb li nfakkru li l-Qorti talbet għax-xhieda tal-ispettur tal-FCID biex tkun tagħti informazzjoni u kuntest għat-talbiet tal-arresti internazzjonali u Ewropej, li kienet għamlet hi stess quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fl-2021. Fil-fatt il-Qorti talbet li tressaq kopji ta' dawn l-arresti.

Apparti minn hekk il-Qorti talbet lill-Ispettur biex tagħti rendikont tal-azzjonijiet li ħadet l-FCID minn Diċembru 2020 sa' Ġunju 2022, jiġifieri wara l-konklużjonijiet tal-inkjesta maġisterjali fil-konfront tal-Bank Pilatus. 

Fir-rikors li ressqet biex ma tixhedx fil-każ ta' Repubblika, hija argumentat li l-Kodiċi Kriminali titlob li ħadd ma jista' jitlob għall-kopji ta' dawn id-dokumenti, mingħajr il-Permess tal-Avukat Ġenerali. L-Imħallef saħaq li filwaqt li dan huwa minnu, "is-sens komun jitlob li dawn is-sezzjonijiet fil-liġi ma japplikawx, meta qed jiġu investigati l-azzjonijiet tal-AĠ." 

Aquilina saħaq li l-Imħallef ċanfar lill-AĠ li hi kif ukoll lill-ispettur għaliex issotomettew ir-rikorsi tard u ddeskriva dan l-aġir bħala "mhux denju." 

“L-imħallef Falzon Scerri ċanfar lill-AĠ għax qal li hi ma tridx li l-Qorti tagħmel skrutinju tad-deċiżjoni tagħha. Din kienet it-tieni twiddiba li rċeviet l-AĠ fl-aħħar jiem għax nafu li ġimgħatejn ilu l-AĠ ġiet imċanfra minn Qorti oħra, li qaltilha li hi trid tieqaf taħseb li hi ogħla mill-liġi. L-AĠ l-istess imħallef, f’Qorti differenti, qalilha li hi wkoll trid tobdi l-liġi għaliex ħadd f’dan il-pajjiż mhu ogħla mil-liġi," kompla jgħid Aquilina.

Aquilina fakkar ukoll li l-Imħallef Falzon Scerri qal lil Buttigieg li ma hemm xejn fil-liġi Maltija li tippermettilha li ma tixhedx f'każ daqstant importanti. 

'Qed tipprova tostakola l-kors tal-ġustizzja' 

Intant Aquilina kompla jgħid li l-aġir ta' Buttigieg huwa indikativ li "qed tipprova tostakola l-kors tal-ġustizzja billi tipprova tpoġġi lilha nnifisha ogħla mil-liġi.” 

Aquilina qal li l-AG inqabdet f'gidba permezz ta' dawn ir-rikorsi u qal li proprju fuq hekk l-Imħallef ċanfarha wkoll. "Fil-ġurament hija qalet li dwar il-każ ta' pilatus ma kienet ħadet l-ebda deċiżjoni filwaqt li issa, permezz ta' dan ir-rikors, qalet li ma tistax tixhed fuq id-deċiżjoni li ħadet. Hi stess tfixklet liema gidba għandha tpoġġi 'l quddiem."

Filwaqt li reġa' tenna li dawn l-affarjiet kollha juru l-gideb tal-AĠ "u li qed tabbuża mill-kariga li tokkupa" huwa talab biex il-Parlament jibda’ proċeduri ta’ impeachement biex Buttigieg titneħħa mill-kariga.

"Jeħtieġ li l-Parlament jeżamina s-sitwazzjoni u jaġixxi kif inhu fid-dover tiegħu li jagħmel. Il-ġlieda tagħna dalgħodu ngħatat it-timbru minn Imħallef ieħor," temm jgħid il-President ta' Repubblika Robert Aquilina. 

More in Politika