FILMAT: Fearne jibqa’ biss id-Deputat Mexxej tal-PL għall-Affarijiet Parlamentari

Din l-aħbar waslet inqas minn 24 siegħa wara li rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Deputat Prim Ministru, kawża tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals

Il-Prim Ministru Robert Abela jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa bejn il-grupp parlamentari tal-Partit Labrista fil-Mile End il-Ħamrun
Il-Prim Ministru Robert Abela jwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa bejn il-grupp parlamentari tal-Partit Labrista fil-Mile End il-Ħamrun

Chris Fearne se jibqa’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet Parlamentari.

Din l-aħbar waslet inqas minn 24 siegħa wara li rriżenja mill-kariga tiegħu ta’ Deputat Prim Ministru, kawża tal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals.

AQRA AKTAR: Chris Fearne jirriżenja mill-Kabinett

L-istess inkjesta waslet sabiex uffiċjali tal-gvern, preżenti u tal-passat, inkluż Fearne, jitressqu l-Qorti fil-ġimgħat li ġejjin.

Iwieġeb mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista fil-Ħamrun, il-Prim Ministru Robert Abela kkonferma li għalissa Fearne se jkun Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament.

Fearne kien ukoll in-nomina tal-gvern għall-Kummissarju Ewropew, kwistjoni li l-eks Deputat Prim Ministru talab li tiġi irtirata.

Għal dan, il-Prim Ministru wieġeb li għad trid ttieħed deċiżjoni fi stadju aktar tard.

AQRA AKTAR: Il-MPE jibdew jiddubitaw in-nomina ta' Chris Fearne bħala Kummissarju Ewropew

Ir-rimarki li Abela għamel, jagħtu l-wieħed x’jifhem li mhux tittieħed deċiżjoni dwar dawn iż-żewġ kwistjonijiet sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju.

Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Fearne wieġeb li din hija kwistjoni li l-partit jiddeċiedi internament.

Ħadd mid-Deputati Laburisti l-oħra ma ta kummenti hekk kif telqu mil-laqgħa.

Fearne tefa’ r-riżenja tiegħu lbieraħ, wara li nhar it-Tnejn ħarġet aħbar ta’ akkużi kriminali imminenti kontrih – u persuni prominenti oħra mill-amminastrazzjoni ta’ Muscat.

Fil-jiem li ġejjin, Fearne mistenni jiġi akkużat b’misapproprjazzjoni u frodi lill-gvern fil-kapaċità tiegħu ta’ ministru tas-saħħa bejn l-2016 u l-2024.

AQRA AKTAR: Il-kawża tal-Vitals kontra Joseph Muscat u oħrajn, tibda fit-28 ta' Mejju

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat u l-eks Ministru Konrad Mizzi wkoll se jiffaċċjaw akkużi serji, flimkien mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Edward Scicluna, li kien Ministru tal-Finanzi ta’ Malta sal-2020.

L-akkużi nħarġu wara l-konklużjoni ta’ inkjesta maġisterjali ta’ erba’ snin dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet Vitals Global Healthcare, li s-sena l-oħra ġiet ddikjarata nulla mill-Qorti Ċivili.

More in Politika