Aquilina jitlob lill-Avukat Ġenerali tippubblika l-ismijiet ta' dawk li tathom Nolle Prosequi mill-2013 lil hawn

Id-Deputat Nazzjonalista jisħaq li għax il-Ministru tal-Ġustizzja ma weġbux dwar il-Nolle Prosequi mogħtija huwa kompliċi  kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus

Id-Deputat Aquilina jindirizza Konferenza quddiem l-Uffiċċju tal-AĠ
Id-Deputat Aquilina jindirizza Konferenza quddiem l-Uffiċċju tal-AĠ

Il-Partit Nazzjonalista waqt konferenza indirizzata mill-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina qal li qed jistenna li l-Avukat Ġenerali tiddkjara lil min tat maħfra minn akkużi kriminali, jiġifieri nolle prosequi, kemm ilha Avukat Ġenerali, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskandlu tal-Bank Pilatus.

Aquiilna spjega li għall-Partit Nazzjonalista, mhux aċċettabbli li l-Avukat Ġenerali tieħu deċiżjonijiet "bil-moħbi li bihom tfixkel jew saħansitra ġġib fix-xejn il-ħidma li jkun wettaq Maġistrat Inkwirenti f’każi serji bħal dak tal-Bank Pilatus. Huwa qal li l-Avukat Ġenerali qed tagħmel dan billi tati maħfriet minn akkużi kriminali permezz ta’ nolle prosequi. Dan huwa proċess li permezz tiegħu ma jinbdewx proċeduri kriminali fil-konfront ta’ persuna, minkejja li Maġistrat ikun kkonkluda f’Inkjesta Maġisterjali li għandhom jinbdew proċeduri kriminali fil-konfront ta’ dik il-persuna. L-għaqda Repubblika qed tisħaq li huwa propju dan li ġara fil-każ tal-Inkjesta tal-Bank Pilatus u numru ta' nies li kontrihom suppost il-Pulizija Maltija bdiet proċeduri.

Il-Kelliem qal li l-Partit Nazzjonalista insista li l-Avukat Ġenerali għandha tikkonferma li minkejja l-ordni ta’ Maġistrat li persuni involuti fl-iskandlu tal-Bank Pilatus għandhom jitressqu l-Qorti, "hi tat maħfra lil persuni involuti f’ħasil ta’ miljuni kbar ta’ ewro permezz tal-Bank Pilatus." Ir-reat ta’ ħasil ta’ flus, ifakkar Aquiina, iġorr miegħu piena ta’ 18-il sena ħabs.

Huwa kompla jgħd li ftit tal-jiem ilu, il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard irrifjuta li jwieġeb Mistoqsijiet Parlamentari li fihom intalab jgħid mis-sena 2013 kemm-il nolle prosequi ħarġet. 

Spjega kif il-Ministru tal-Ġustizzja rrifjuta li jagħti din l-informazzjoni u minflok, qal li “kwistjonijiet li jirrigwardaw Inkjesti Maġisterjali huma fin-natura tagħhom kunfidenzjali”.

"Bit-tweġiba tiegħu, il-Ministru tal-Ġustizzja kkonferma li hu kompliċi mal-Avukat Ġenerali biex jitgħatta l-iskandlu tal-Bank Pilatus." temm jakkuża d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina. 

More in Politika