Minkejja li jifhem ir-raġuni għaliex Chris Fearne ħa d-deċiżjoni li jirriżenja, Robert Abela mhux jistenna, jew jitlob, li uffiċjali oħra tal-Gvern jagħmlu l-istess.
“Jien nifhem id-deċiżjoni ta’ Chris Fearne, hija deċiżjoni li turi l-karatteristiċi sbieħ ta’ Chris Fearne iżda ma jfissirx li dik id-deċiżjoni għandha tiġi trasportata għal ħaddieħor,” Abela qal it-Tlieta filgħodu.
Jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti wara żjara fil-fabbrika ta’ ST Microelectronics, Abela qal li l-istess fiduċja li għandu fl-eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne, titgawda minn uffiċċjali oħra msemmija fl-Inkjesta Vitals, inkluż il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna u s-Segretarju Permanenti Alfred Camilleri.
Edward Scicluna, flimkien ma’ Chris Fearne, huwa parti minn lista ta’ 15 -il persuna akkużata bil-frodi ta’ €5,000 b’konessjoni mal-konklużjonijiet tal-Inkjesta Vitals.
Huma mistennija jitressqu l-Qorti fid-29 ta’ Mejju, ġurnata wara li jibda’ l-ismigħ tal-kawża Vitals.
“Ċertament li kulħadd jitlaq mill-preżunzjoni tal-innoċenza, il-procès-verbal jrid jistabillixi ukoll, issa la naqrawh, jekk hux vera kulħadd telaq mill-preżunzjoni ta’ innoċenza, jew kienx hemm minn telaq minn ħtija,” Abela qal.
Jtenni l-pożizzjoni li diġà ħa fil-ġimgħat li għaddew, Abela qal li kemm Edward Scicluna, u anke is-segretarju permananenti, magħrufin għall-integrità tagħhom taħt gvernijiet differenti, u magħrufin għal-lealtà tagħhom għall-istat taħt gvernijiet separati.