'Irridu nibdew nieħdu miżuri preventivi minn issa biex nevitaw kriżi tal-enerġija oħra fil-futur'

L-MEP Alfred Sant jitlob revizjonijiet fuq profitti sproporzjonati fl-enerġija

Waqt plenarja tal-Parlament Ewropew dwar ir-rispons Ewropew għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, l-Membru Parlamentari Ewropew (MEP) Alfred Sant issuġġerixxa li l-profitti sproporzjonati fl-enerġija għandhom jiġu riveduti. Huwa saħaq li dawn ir-reviżjonijiet għandhom ikunu ibbażati fuq studji u analiżi li ma jkunux emottivi imma razzjonali. 

Sant innota wkoll li għandhom jittieħdu miżuri preventivi minn issa biex jiġu evitati kriżijiet futuri meta l-UE jkollha differenzi fundamentali ma' pajjiżi li jfornuha bl-enerġija. Għalhekk jemmen li l-iżvilupp ta' enerġiji rinovabbli huwa t-triq ewlenija 'l quddiem biex jiġu żgurati l-awtonomija u sostenibbilità fil-provvista tal-enerġija. 

L-Istati Membri Ewropej adottaw regolament ta’ emerġenza biex jindirizzaw il-prezzijiet għoljin tal-enerġija. Dan għandu l-għan li jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji li huma l-aktar affettwati mill-kriżi tal-enerġija. Ir-regolament jinkludi tliet miżuri li għandhom jidħlu fis-seħħ minnufih: Tnaqqis fl-użu tal-elettriku; Limitu fuq id-dħul tal-produtturi tal-elettriku; U l-impożizzjoni ta’ “kontribuzzjoni ta’ solidarjetà” – jiġifieri taxxa fuq profitti mhux previsti minn negozji tal-fjuwils fossili.

Sant esprima qbil li dawk soġġetti għall-faqar estrem tal-enerġija familji vulnerabbli u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju għandhom jingħataw aktar għajnuna biex ilaħħqu mal-prezzijiet għolja tal-enerġija. “Minn naħa l-oħra, l-aġġornament propost tal-pjattaforma tal-enerġija tal-UE, għal xiri konġunt ta’ prodotti tal-enerġija biex jinkisbu ekonomiji ta’ skala, jeħtieġ allinjament politiku sħiħ fost l-Istati Membri, li madanakollu għadu pendenti," temm jgħid Sant. 

More in Politika