Jesprimu dispjaċir li l-pjani l-ġodda għall-Imsida jinjoraw l-bżonjijiet tat-trasport pubbliku, ċiklisti u dawk li jimxu

Numru ta' organizzazzjonijiet - fosthom - il-Moviment Graffitti - jesprimu dispjaċir li fil-pjanijiet l-ġodda għall-Flyovers tal-Imsida ma hemmx rotot sikuri għal min jimxi u lanqas karreġġjati apposta għat-trasport pubbliku

Dehra artistika tal-proġett fl-Imsida
Dehra artistika tal-proġett fl-Imsida

Il-ġimgħa li għaddiet, Infrastructure Malta żvelat il-pjanijiet ġodda għal flyovers fl-Imsida b'viżwali li jinkludu siġar maturi "imma b'nuqqasijiet kbar fejn tidħol il-prijoritizzazzjoni ta' mezzi ta' trasport pubbliku u attiv." Hekk sostna l-Moviment Grafitti - flimkien ma' numru ta' organizzazzjonijiet oħrajn -  fi stqarrija li tittratta pjanijiet li kienu żvelati fuq The Sunday Times ta' ġimagħtejn ilu, u li juru kif il-pjani l-ġodda se jkollhom - fost oħrajn - pjazza kbira quddiem il-Knisja parrokjali u canal li għandu jgħin biex inaqqas mill-problema tal-għargħar.

Iżda fi stqarrija Graffitti, fost oħrajn, qal illi filwaqt li l-pjanijiet il-ġodda jistgħu jitqiesu estetikament aħjar mill-pjanti oriġinali, huma sostnew li "dan il-proġett infrastrutturali kbir ta’ bosta miljuni għal darb’oħra qed jonqos milli jaqdi l-karattru soċjali u funzjonali tal-Imsida, lil hinn minn junction għat-traffiku tal-karozzi."

L-organizzazzjonijiet innotaw b'dispjaċir fl-istqarrija li fil-pjanijiet il-ġodda li ressqet Infrastructure Malta ma hemm l-ebda rotot sikuri għal min mhux bil-karozza bejn l-Imsida u l-Università u l-iskate park, kif ukoll bejn l-Imsida u Birkirkara, wieħed mill-iktar postijiet popolati f'Malta kif ukoll li ma hemm l-ebda indikazzjoni ta' korsiji esklussivi għall-karozzi tal-linja. L-organizzazzjonijiet nnutaw ukoll kif hemm "nuqqas totali" wkoll ta' infrastruttura għaċ-ċiklisti. ​

Għalhekk il-firmatarji tal-istqarrija sostnew li dawn il-pjanijiet ma jagħrfux il-fatt li l-bajja tal-Imsida hija, l-ewwel u qabel kollox, iċ-ċentru soċjali u kulturali tal-lokalità, kif ukoll żona importanti għal nies li qed jimxu bejn istituzzjonijiet edukattivi, nies li jużaw it-trasport pubbliku, u għall-membri tal-komunita’ tal-inħawi. "Għalhekk aħna frustrati li dan il-proġett jibqa’ jqis din iż-żona, kważi esklussivament, bħala intersezzjoni għall-karozzi."

Filwaqt li wrew xettiċiżmu lejn il-parti tal-proġett li tinkludi l-kanal qalu wkoll li l-mudell li qed timbotta Infrastructure Malta diġà falla hekk kif jisħqu li l-Marsa u s-Central Link jibqgħu żoni ta' konġestjoni tat-traffiku. 

Huma temmew jgħidu li filwaqt li huma sodisfatti li Infrastructure Malta irrevediet il-pjani u inkorporat uħud mill-ilmenti tal-pubbliku - bħat-titjib fl-estetika u l-pjazza -  qalu wkoll li qed jistennew illi s-suġġerimenti tagħhom ikunu inkorporati. 

Il-firmatarji ta' din l-istqarrija huma: Il-Moviment Graffitti, Friends of the Earth Malta, Din l-Art Ħelwa, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Nature Trust - FEE Malta, BirdLife Malta, Rota, Extinction Rebellion Malta, ACT u Ramblers Malta.

More in Politika