Baġit 2023 | ‘€9.90 fil-ġimgħa ma ngħatawx fuq ir-riħ ... il-ħaddiema diġà ħarġuhom’

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM jgħid li f’Jannar il-prezzijiet mhux se jmorru lura għal żminijiet ta’ qabel Settembru 2021 u għalhekk ifisser li l-poplu se jibqa’ joħroġ il-flus mill-but

Is-Segretarju Ġenerali tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella, saħaq mal-gazzetta ILLUM li l-kumpens ta’ €9.90 fil-ġimgħa ngħata fuq spejjeż li l-ħaddiema diġà ħarġu minn buthom bejn Ottubru 2021 u Settembru 2022, jiġifieri l-perjodu li fih jinħadem l-Aġġustament għall-Għoli tal-Ħajja, magħruf bħala l-COLA.

F’kummenti mal-ILLUM b’reazzjoni għall-Baġit 2023, Vella qal li minħabba din ir-raġuni, iż-żieda li se tingħata minn Jannar ma tistax titqies bħala xi żieda fuq ir-riħ, għax insista li dawn il-flus il-ħaddiema diġà ħarġuhom.

“F’Jannar li ġej, il-prezzijiet mhux se jmorru lura għal żminijiet ta’ qabel Settembru 2021. Dan ifisser li l-poplu xorta se jibqa’ joħroġ il-flus mill-but,” insista Vella.

‘Kieku waqqaf il-kuntratt ta’ Steward kien ikollu 43 mijun oħra xi jqassam’

Kien hawn li Vella insista li l-Gvern seta’ għafas aktar biex jinġabar l-ammont kollu dovut lilu mit-taxxi u l-VAT speċjalment minn fuq in-negozji biex il-piż ma jintefax fuq il-ħaddiema biss.

Fakkar ukoll kif il-Gvern alloka €93 miljun lil Steward Health Care. Insista li jekk, għall-argument, €50 miljun minnhom sejrin fuq pagi, ifisser illi li kieku l-Gvern iwaqqaf dan il-kuntratt, seta’ jgħaddi €43 mijun oħra lill-poplu, b’mod partikolari lil dawk li ma ħadu xejn ħlief iż-żieda ta’ €9.90.

Iżda l-ILLUM tfakkru li anke jekk il-Gvern jieħu f’idu t-tmexxija tat-tliet sptarijiet pubbliċi li bħalissa qed joperaw Steward, xorta waħda jrid jibqa’ joħroġ il-flus biex ikompli jopera dawn il-mistoqsijiet.

Madanakollu Vella saħaq li huwa l-Gvern li għandu jwieġeb u jagħti rendikont dettaljat ta’ kif qed jintefqu dawn il-flus u anke jwieġeb u jagħti d-dettalji ta’ kif qed jitħallsu l-pagi.

“Hemm ħaddiema li qegħdin il-Qorti biex forsi jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt u hemm min minn Steward sar sinjur bil-pagi esaġerati li ngħatawlu,” insista Vella. 

Fakkar li l-kuntratt għadu mistur u anke l-Awditur Ġenerali qal li kien hemm ksur ta’ diversi klawżoli u li ma kellux ikun iffirmat għax kien hemm “kollużjoni.”

“Nistenna wkoll tweġiba kif minn €80 miljun fl-2022, Steward se tieħu €93 miljun fl-2023. Tgħid din hi ż-żieda tal-COLA fuq il-pagi lill-ħaddiema jew qed imorru x’imkien ieħor? Il-Gvern għandu jwieġeb,” kompla Vella.

‘Ġenituri li jaħdmu għandhom ikollhom dritt ta’ inqas sigħat biex irabbu lil uliedhom’

L-ILLUM staqsiet ukoll lil Vella jekk kienx hemm xi proposta waħda partikolari li l-UĦM xtaqet tara f’dan il-Baġit imma li baqgħet fuq l-ixkaffa.

Vella qal li xtaq jara miżura biex permezz tagħha l-ħaddiema kollha li jaħdmu l-Ħadd jitħallsu d-doppju. Fi kliemu, dan iservi ta’ inċentiv biex il-Maltin jerġgħu jkunu attirati lejn ċertu impjiegi.

Apparti minn hekk fakkar fil-proposta tal-UĦM biex il-ġenituri li t-tnejn jaħdmu jkollhom id-dritt li jaħdmu inqas sigħat biex ikunu jistgħu jrabbu lil uliedhom. Vella qal li d-dritt tat-trobbija qed jintilef għax il-ġenituri qed jaħdmu t-tnejn u ma għandhomx ċans ikunu mat-tfal.

“Dan id-dritt għandu jkun imħares bil-liġi biex l-omm ikollha sa 40% reduced hours u l-missier sa 50% u jekk jiddeċiedu li jieħdu l-benefiċċju flimkien, ikollhom 25% kull wieħed,” qal Vella.

Spjega kif dan ma għandux ifisser li t-tfal ma jibqgħux jintbagħtu ċ-childcare centers, imma jfisser li t-tfal ma jgħaddux il-ġurnata kollha hemm.

“Jekk mhux se jsir hekk, it-tfal se jkollhom pyschological boning akbar mal-carers milli mal-ġenituri. Liġi bħal din daħlet b’suċċess f’pajjiżi Nordiċi,” insista Vella.

‘Tkabbir ekonomiku sostenibbli jiġi biss minn viżjoni fit-tul’

Fl-ewwel reazzjoni tagħha, il-UĦM qalet li l-Baġit huwa nieqes minn strateġija ekonomika fit-tul. Imma f’ċirkostanzi straordinarji bħal dawk li qed ngħixu, ma jaħsibx li l-Gvern kellu jagħti aktar attenzjoni lil sfidi urġenti?

Is-Segretarju Ġenerali qal li l-miżuri li tħabbru għandhom l-għan li ma jkomplux ikabbru l-kriżi ikkawżata mill-isplużjoni tal-prezzijiet tal-enerġija u ċ-ċereali. Hawn faħħar il-Gvern għal dan.

Madanakollu saħaq li daqskemm hu importanti li din l-isfida tkun indirizzata, daqstant ieħor hemm bżonn viżjoni biex il-pajjiż ikun jaf fejn se jmur wara din il-kriżi.

“It-tkabbir ekonomiku sostenibbli ma jiġix b’miżuri ta’ interventi ta’ kriżi imma mill-viżjoni ekonomika tal-pajjiż, minn setturi ġodda, u mir-rijorganizzazzjoni tas-setturi li għandna fosthom l-igaming u dak finanzjaru li jinsabu għarkubtejhom. Biex dan isir irid ikollok viżjoni strateġika ta’ kif se tinvesti fil-poplu biex ikabbar il-ħiliet tiegħu,” qal Vella.

Spjega kif jekk il-pajjiż għandu elf persuna taħdem u dawn qed jagħtu €10 s-siegħa, biex dawn jitilgħu għal €15 mhijiex kwistjoni ta’ kemm se tiġbor taxxi jew VAT imma kemm se tinvesti fil-viżjoni ekonomika fit-tul u fil- ħiliet. 

“Dawn huma siġar li tħawwel illum u jagħtu l-frott snin wara. Għalhekk hemm bżonn ta’ pjan ekonomiku konkret fuq medda ta’ għaxar snin. L-investiment fit-taħriġ ma jistax jibqa’ jsir b’mod sporadiku iżda li jwassal għall-milja ta’ viżjoni,” insista Vella.

Fl-aħħar nett, l-ILLUM tirritorna għall-kwistjoni tal-COLA u t-twissija ta’ xi wħud, inkluż ta’ Min Iħaddem, li ż-żieda għolja fil-pagi, tista’ twassal għal żieda fl-inflazzjoni.

It-tweġiba ta’ Vella kienet skjetta u diretta: “Għadni ma smajtx lil xi ħadd iwissi li jekk nagħtu COLA baxxa ma jogħlewx il-prezzijiet.”

More in Politika