Baġit 2023 | 'Baġit li jaħseb fl-aktar vulnerabbli ... sfidi oħra urġenti jeħtieġ ikunu indirizzati' - Caritas

Caritas Malta qalet li filwaqt li l-eradikazzjoni tal-faqar għandha tibqa' prijorità, iż-żieda ta’ problemi tal-ambjent, żieda fi problemi ta’ saħħa mentali u l-popolazzjoni dejjeb tikber jibqgħu sfidi urġenti li għandhom bżonn azzjoni ta’ pjan ċar

Fir-reazzjoni tagħha għall-Baġit 2023, Caritas Malta qalet li dak li ħabbar il-Gvern jagħti attenzjoni partikolari lil dawk l-aktar vulnerabbli. Fi kliemha, persuni li jinsabu fil-faqar, bi dħu; baxx, pensjonanti, nies b’diżabbilità u oħrajn,  se jiġu mgħejjuna biex is-sitwazzjoni tagħhom ma tirkadix għall-agħar fid-dawl tal-isfidi serji marbutin mal-għoli fil-prezzijiet ta’ prodotti essenzjali. 

Madanakollu qalet ukoll li filwaqt li l-eradikazzjoni tal-faqar għandu jibqa’ għan primarju fis-soċjetà tagħna, iż-żieda ta’ problemi tal-ambjent, żieda fi problemi ta’ saħħa mentali u l-popolazzjoni dejjeb tikber jibqgħu sfidi urġenti li għandhom bżonn azzjoni ta’ pjan ċar fuq kif jiġu indirizzati biex ikollna kwalità ta’ ħajja aħjar. 

“Awtoritajiet b’saħħithom, b’governanza b’saħħitha u kontabbiltà għandhom jimbuttaw lil kull settur biex jaħdem flimkien għal soċjetà tassew ġusta mingħajr ħela ta’ riżorsi,” qalet Caritas.

Kompliet tgħid li hi dejjem saħqet għad-dritt ta’ ħajja diċenti u dinjituża għal kulħadd u l-bżonn li l-pajjiż dejjem jistinka biex dejjem titnaqqas id-differenza bejn is-sinjur u l-fqir.  

Uriet ukoll is-sodisfazzjon tagħha li fl-isfond tal-istudju tal-MEBDL (Minimum Essential Budget for a Decent Living), 2020 u mini-MEBDL 2022 u proposti oħra ġew riflessi fil-miżuri mħabbra.

More in Politika