'Min iħoss li għandu jiżżufjetta bija għax nikri, bħal ħafna oħrajn, jagħmel hu' - Jo Etienne Abela

Il-Ministru Jo Etienne Abela jwieġeb għall-kritika ta' membri mill-Oppożizzjoni wara li d-dikjarazzjoni tal-assi ma ddikjara l-ebda d-dħul għas-sena d-dieħla u l-ebda proprjetà

Il-Ministru Jo Etienne Abela wieġeb uħud mill-membri tal-Oppożizzjoni li kkritikawh għax fid-dikjarazzjoni tal-assi ma ddikjara l-ebda dħul għas-sena li għaddiet u ma ddikjara l-ebda proprjetà li tagħha huwa s-sid.

Fost dawk li kkritikawh u li qalu li ma jemmnuhx, kien hemm id-Deputati Karol Aquilina u Mark Anthony Sammut.

Madanakollu, il-Ministru qal li min hu midħla ta’ Manwal tal-Kabinett li minnu joħroġ il-Kodiċi tal-Etika jaf li  m’hemm l-ebda obbligu li Ministru ġdid jagħti rendikont finanzjarju tal-perjodu qabel jiġi elett fil-Parlament. Fil-fatt, Abela daħal fil-Parlament wara l-elezzjoni ta' Marzu li għadda.

Dwar il-proprjetajiet, Abela qal li hu jikri r-residenza li fiha jgħix u ma għandu l-ebda problema b'dan.

"Jidher ukoll li għall-PN, li tgħix fil-kera huwa xi tip ta’ diżunur. Jiena nemmen li kulħadd jgħix kif jagħżel. Jien kuntent b’li għandi. La qatt kont kiesaħ u fastidju lil ħadd qatt ma tajt. Min iħoss li għandu jiżżufjetta bija għax nikri, bħal ħafna oħrajn, jagħmel hu," insista l-Ministru. 

Intant, il-Kandidat Arnold Cassola xorta waħda talab lill-Kummissarju għall-Istandards, anke jekk dik il-kariga għadha vakata, biex jinvestiga  għaliex il-Ministru, li huwa kirurgu rinomat, ma ddikjara l-ebda dħul.

More in Politika