Partit ġdid: Imma possibbli? Dawk l-aktar li jistgħu jieħdu dan il-pass bħalissa

Partit kbir li jheżżeż is-saħħa bla qies tal-PN u l-PL jidher kważi impossibbli. Imma f'pajjiżna bħalissa jeżistu żewġ formazzjonijiet soċjali u politiċi li minkejja illi huma NGOs għandhom is-saħħa, sens ta' kontiwità u l-attiviżmu li jaf jagħmilhom kandidati tajbin għal partit ġdid...  

Żewġ Ħdud ilu l-gazzetta ILLUM ippubblikat sondaġġ xjentifiku li juri illi 56% tal-poplu jaqbel illi jkun hawn partit ġdid. Anke jekk dan ma jfissirx li kull min jaqbel ma' partit ġdid, se jivvotalu, huwa indikattiv iżda ta' kemm il-poplu qed jibda jixba' mill-istat tal-politika bħalissa, mill-klassi politika kollha u anke mill-għażliet li sal-lum hemm għall-eġemonija kważi assoluta  bejn il-PN u l-PL. Kif inhuma l-affarijiet sa issa dawn iż-żewġ partiti għandhom garanzija assoluta li se jkunu fil-Gvern b'alternanza perpetwa. 

Anke jekk il-ħolqien ta' partit ġdid mhux neċessarjament iseħħ u anke jekk huwa diffiċli ħafna li jitkisser id-duwopolju tal-PN u l-PL - minħabba l-mod kif taħdem is-sistema elettorali Maltija, li tagħmilha diffiċli illi partit "żgħir" jakkwista l-kwota f'distrett - l-ILLUM tat ħarsa lejn liema jkunu l-aktar "kandidati" probabbli li jaf jagħmlu  xi forma ta' suċċess, kieku jifformaw partit ġdid. 

Liema huma l-votanti li l-aktar illi jaslu jivvutaw għal partit ġdid? 

Qabel nħarsu lejn formazzjonijiet politiċi possibbli, ejja nagħtu ħarsa lejn l-aktar votanti li probabbilment (u għallinqas bħalissa) jaslu jivvvutaw lil partit ġdid. Dan se nagħmluh billi nagħtu ħarsa lejn żewġ sondaġġi, dak tal-ILLUM u dak tal-Maltatoday li fil-fatt ħarġu fl-istess jum. 

Meta mistoqsijin għandux ikun hawn partit ġdid, l-aktar parteċipanti li wieġbu fil-pożittiv kienu żgħażagħ, nies bi sfond edukattiv għoli (livell terzjarju) u naturalment dawk li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni. 

Fil-fatt is-sondaġġ tal-ILLUM juri illi xejn inqas minn 84% ta' dawk kollha li ma jivvutawx kieku ssir elezzjoni llum u 73.6% ta' dawk l-eluf li ma vvotawx fl-aħħar elezzjoni jemmnu li wasal iż-żmien biex  ikun hawn partit ġdid. Sentiment li huwa rifless f'qawwa fost dawk ta' livell edukattiv terzjarju (70%), dawk bejn 16 sa 35 sena (68.8%) u mhux b'inqas dawk ta' bejn 35 u 50 sena (62.4%). 

Intant fis-sondaġġ tal-Maltatoday jirriżulta illi kieku kellha ssir elezzjoni bħalissa jkunu xejn inqas minn 22.5% li ma jivvutawx filwaqt li 14.9% qalu illi ma jafux kif jivvutaw. Dan ifisser li 37.4% ma jivvutawx jew ma jafux kif jivvutaw kieku ssir elezzjoni bħalissa. 

Iż-żgħażagħ (16 sa 35 sena) huma l-aktar grupp li jidher ċar illi ma għandux fiduċja fiż-żewġ partiti u li ma jivvotawx jew inkella ma jafux kif jivvotaw kieku issir elezzjoni issa. Fil-fatt 33.7% ta' dawk f'din l-età ma jivvotawx, filwaqt illi 22.5% ma jafux kif jivvutaw (total ta' 56.2%). Is-sondaġġ ikompli fuq il-linji u l-indikazzjonijiet ta' dak li deher fuq l-ILLUM b'xejn inqas minn 29% ta' dawk b'livell edukattiv terzjarju ma jivvotawx u 22% ma jafux kif jivvutaw. Fost dawk li ma vvutawx fl-aħħar elezzjoni 65.7% jerġgħu ma jivvutawx u 26.8% ma jafux kif jivvutaw kieku ssir elezzjoni llum. 

Formazzjoni politika minn Repubblika

Liema u għaliex tkun iffurmata? Ikun iffurmat partit politiku li ġej minn Repubblika jew inkella minn Repubblika nnifisha. 

Repubblika fir-realtà - minkejja li hija għaqda non governattiva - bniet għeruq pjuttost fondi fl-aħħar xhur ma' sezzjoni partikolari tal-elettorat. Naturalment tkun formazzjoni jew partit politiku li ma jara għajn m'għajn assolutament xejn mal-Partit Laburista u mal-maġġoranza qawwija ta' dawk li vvotaw lill-PL fl-aħħar elezzjonijiet ġenerali. 

U huwa proprju dan li jagħti s-saħħa lil Repubblika. Għaliex ħafna drabi hija din li qed tidher kontinwament f'konfront dirett - li wħud jaraw ġustifikat u oħrajn le - mal-Partit Laburista, speċjalment ma' Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, il-Prim MInistru preżenti Robert Abela u dawk kollha appuntati mill-Gvern preżenti. 

Dan ifisser illi Repubblika - li taf il-bidu tagħha mill-assassinju ta' Caruana Galizia, pero' li matul is-snin kienet preżenti, voċifera u xi drabi skjaċċanti fil-konfront tal-Gvern fuq kwistjonijiet oħrajn bħall-immigrazzjoni, il-governanza kif ukoll l-etika Parlamentari - qed issir dejjem aktar attraenti għal uħud, li normalment jivvutaw PN. 

Jekk nużaw l-aħħar attivitajiet tal-massa organizzati separatement mill-PN u minn Repubblika, huwa ċar għal kull min kien preżenti mhux biss li din tal-aħħar kważi kapaċi timmobilizza lin-nies aktar, imma kapaċi timmobilizza wkoll folla ta' nies xi ftit differenti wkoll. 

Repubblika - jidher illi qed tkun effettiva ħafna fl-immobilizzar ta' core group - li dejjem jattendu għall-attivitajiet u li jgħoddu ftit għexieren - imma wkoll ta' ħafna aktar votanti li ġeneralment (imma mhux kollha) huma mill-klassi medja 'l fuq, li għandhom antipatija politika u anke soċjali lejn il-Partit Laburista li intirtet minn ġenerazzjonijiet għax għandha għeruqha fil-mibgħeda lejn Mintoff (u l-mibgħeda ta' Mintoff lejha) u li jikkomunikaw ukoll (jew l-biċċa l-kbira) bl-Ingliż. 

Fi kliem ieħor settur ta' nies li jekk jivvutaw, probabbilment jivvuatw PN (imma żgur mhux Labour). 

Dan allura jfisser li l-aktar votanti li jasal biex jattira partit bħal dan ikun ta' votanti tradizzjonalment Nazzjonalisti, speċjalment dawk li huma inqas leali lejn il-partit, pero' li imbgħad tpatti għal-lealtà hemm l-antipatija tagħhom lejn il-Partit Laburista, l-imħabba lejn Daphne, ir-rabja kbira għal dak li ġara fl-aħħar snin u s-sens ta' diżillużjoni minħabba l-istat li jinsab fih il-PN. Fi kliem ieħor il-qarrej tipiku tar-Running Commentary ta' Daphne Caruana Galizia: Li ma kienx irid lill-Partit Laburista f'Kastilja, li jrid jew jgħid li jrid politika aktar nadifa, li għalih il-korruzzjoni għandha tkun l-ewwel fuq l-aġenda tal-Oppożizzjoni f'kull istanza u li fl-istess ħin ma kellu ebda affinità lejn Adrian Delia u dawk li assoċjaw ruħhom miegħu għal raġunijiet politiċi, imma anke soċjali!

Ikollu suċċess? 

Min jaf. Ħafna se jserraħ fuq dak li jiġri fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-PN se jnaqqas id-distakk? U dan id-distakk se jnaqqsu primarjament fuq is-saħħa ta' Metsola? U jekk id-distakk jibqa' 28,000 - 30,000+ Bernard Grech jibqa' Kap? 

L-aħjar klima politika li jaf twassal biex Repubblika tieħu dan il-pass ikun jekk il-PN jerġa' jkollu disfatta enormi fl-2024 u Grech jibqa' minkejja dissens qawwi. Jew inkella Grech jitlaq u minfloku jkun hemm xi ħadd li mill-ġdid ma jitqiesx "idoneu" minn dan is-settur ta' votanti nazzjonalisti.

It-tisħiħ tal-PN kemm fil-voti globali, kemm mil-lat organizzattiv kif ukoll f'termini ta' siġġijiet fl-2024 ikun ifisser li din il-possibilità ssir aktar remota, milli bosta forsi jemmnu li diġà hi. 

U jekk eletti fil-Parlament? 

Jekk ikun partit fil-Parlament wara l-elezzjoni li jmiss Repubblika probabilment jissieħeb mal-Partit Nazzjonalista f'koalizzjoni u - jekk il-PN jitlef l-elezzjoni li jmiss  - flimkien jifformaw oppożizzjoni li tista' (għalkemm mhux neċessarjament) tkun aktar b'saħħitha minn dik tal-lum, numerikament. 

Formazzjoni politika minn Graffitti

Liema u għaliex tkun iffurmata? Possibilità oħra hija li Graffitti toħroġ għall-elezzjoni jew inkella li tinħoloq forza politika direttament minn dan il-Moviment. 

Graffitti fl-aħħar snin  - taqbel jew le miegħu - bena profil ta' għaqda non governattiva kredibbli fuq kwistjonijiet ambjentali, voċiferu, skjaċċanti, liberali u verament xellugi. Fil-fatt bosta huma tal-fehma li l-Graffitti sar l-unika vuċi u l-aktar vuċi xellugija b'saħħitha. 

Minkejja li l-immaġini ta' din l-għaqda kienet - u fost numru ta' votanti għadha -  illi din qisha organizzazzjoni ta' "erba' hippies u tree huggers" maż-żmien ittrasformat ruħha biex saret vuċi kontinwa u effettiva fuq kwistjonijiet li rawha tkabbar il-popolarità. Forsi - jekk inħarsu lejn dak li seħħ mill-2013 lil hawn, naraw illi l-akbar saħħa li kisbu diversi għaqdiet ambjentali - imma b'mod speċjali Graffitti - kienet permezz tal-protesta kontra l-iżvilupp fiż-Żonqor, li fil-fatt kienet waħda mill-akbar protesti ambjetali li qatt saru. Din kienet segwita minn diversi oħrajn li għamlu ħafna ħoss jew immobilizzaw gruppi ta' ċittadini, residenti jew saħanistra masses: Protesti kontra qtugħ ta' siġar fir-Rabat, kontra teħid ta' art f'Burmarrad u l-aktar waħda riċenti l-kampanja kontra marina f'Wied il-Għajn li mhux biss kienet effettiva għax il-Prim Ministru waqqaf kull pjan għal marina simili, imma notevolment ukoll għaliex għaqqdet madwar il-Graffitti għaqdiet u personaġġi lokali, bħas-sajjieda, dawk li jaħdmu in-nar tal-festa ta' Sant'Anna u diversi oħrajn. 

Naturalment Graffitti kienu wkoll preżenza qawwija fil-protesti wara l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, tant li darba grupp ta' attivisti kienu daħlu Kastilja u waqt li daqqew it-tnabar ma aċċettawx li joħorġu. 

Qabel l-2013 Graffitti wkoll kienet fiċ-ċentru ta' protesti diversi, mhux l-inqas dawk kontra ż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u protesti kontra l-iżvilupp.

Riċentement Graffitti mhux biss għamlu ħoss kbir imma ngħataw ħafna appoġġ ċivili, minn nies ta' fehmiet politiċi differenti, fl-azzjoni qawwija u kuraġġuża li ħadu f'Kemmuna minħabba dak li jaraw u jsejħu l-kontroll tal-privat ta' bajja pubblika. 

Ikollu suċċess? 

L-ambjent - u allura l-akbar saħħa tal-Moviment Graffitti - rari kien l-aktar kwistjoni importanti f'elezzjoni ġenerali sal-lum, għalkemm jidher illi jekk wieħed jiġġudika l-burdata fuq il-midja soċjali imma aktar u aktar dak li qed jgħidu s-sondaġġi - inkluż tal-gazzetta ILLUM -  hemm rabja ċara u sens ta' eżasperazzjoni għas-sitwazzjoni tal-bini, ambjent li jinqered, permessi li joħorġu u li "mhux suppost" kif ukoll l-inkonvenjent u anke l-qerda tar-ruħ tal-irħula Maltin minħabba l-kostruzzjoni. Imma din ir-rabja li hija ċara fis-sondaġġi se tissarraf f'voti? 

Din il-mistoqsija hija l-qofol ta' kollox, għalkemm wieħed jifhem illi Graffitti jaf illi l-qabża bejn l-attiviżmu effettiv għal partit effettiv hija kbira. Teħtieġ struttura ċara li Graffitti ma għandhomx u fil-fatt jiftaħru li ma għandhomx. Il-qabża għall-politika teħtieġ ukoll ċerta livell ta' kuntatti politiċi li Repubblika għandha - minħabba li l-għeruq tagħha huma politiċi - iżda li l-Moviment Graffitti ma għandux għax huwa ħafna aktar mibni fuq l-attiviżmu li ġej minn fost in-nies u l-voluntiera li qajla qatt kienu protagonisti politiċi, jew li huma midħla tal-makkinarju politiku li jkun qed jieħu l-vera deċiżjonijiet minn wara - bħal ma għandek lil Robert Aquilina u Manuel Delia f'Repubblika. 

Finalment hemm ukoll il-kwistjoni ta' strateġija politika. Filwaqt li Graffitti kienet effettiva mmens fl-aħħar snin biex ttella' fuq l-aġenda l-għadab ta' settur dejjem jikber tal-poplu fuq l-ambjent u l-qerda tiegħu, li toħroġ għall-elezzjoni u tikkampanja teħtieġ strateġija politika. X'se tgħid, fejn se tgħid, quddiem min se tgħid, lil min trid tattira b'dak li se tgħid, lil min jaf titlef b'dak li se tgħid u kif se tidher int u tgħidu jsiru kollha kunsiderazzjonijiet importanti.

Jiġifieri minkejja li jinħass illi fid-deher il-Moviment Graffitti għandu appoġġ popolari ikbar minn Repubblika, it-triq ipotetika biex dan jitrasforma f'partit politiku jaf tkun aktar diffiċli. 

U jekk elett fil-Parlament? 

Jekk formazzjoni magħmula minn Graffitti jirnexxielha tidħol fil-Parlament il-probabilità hija li żżomm ħafna iktar 'il bogħod mill-PN u l-PL, anzi tagħmel mezz li tiddistanzja ruħha minnhom kemm jista' jkun. Koalizzjoni għalhekk tkun pjuttost xenarju remot ħafna. 

L-aħjar triq tibqa' iżda li elettoralment u waqt kampanja Graffitti tgħin u tikkolabora b'mod mill-aktar attiv u miftuħ - kemm jekk bħala partit jew anke fil-forma ta' NGO -  biex tappoġġja u tħeġġeġ vot għall-aktar partit politiku li jirrapreżenta dak li jemmen il-Moviment, jiġifieri l-ADPD.

Il-voti ta' Graffitti bħala partit ikunu ġejjin minn diversi bnadi, iżda l-probabilità hija li jkunu votanti aktar magħġuna fl-ideoloġija liberali u xellugija. Allura l-probabilità hija li jattira aktar votanti tradizzjonalment Laburisti li jħossuhom diżillużi ferm bil-Gvern u b'elenku ta' skandli politiċi li seħħew kif ukoll bil-qerda ambjentali - flimkien mal-perċezzjoni li l-Gvern qiegħed fil-but tal-kuntratturi. 

More in Politika