Baġit 2023 | 'Il-Gvern għandu jibgħat ittra ma' kull kont biex jgħid kemm kien ikun mingħajr sussidji'

Muscat jisħaq li Baġits bħal dawn jibqgħu possibbli biss jekk il-pajjiż jibqa' jassigura tkabbir ekonomiku sena wara l-oħra

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat faħħar il-Baġit ippreżentat mill-Gvern ilbieraħ iżda wissa wkoll dwar żewġ sfidi li l-Gvern irid joqgħod attent għalihom.

Fuq Facebook, Muscat qal li l-Gvern ma għandux jaqa' fin-nasba li jħalli l-istabilità fil-kontijiet tittieħed "for granted" mill-familji u n-negozji.

Fi kliemu, il-kritika tal-Oppożizzjoni ta' budget "kosmetiku" hija sempliċi u tista' tkun effettiva ma' min ma jindunax xi sforz enormi qed isir biex il-kontijiet jinżammu f'dan il-livell.

Kien għalhekk li ppropona li l-Gvern għandu jibgħat ittra ma' kull kont fejn kull familja u kull negozju jingħataw indikazzjoni ta' kemm kien ikun il-kont tagħhom kieku ma kienx hemm dan l-intervent.

Apparti minn hekk insista li jibqa' l-bżonn ta' tkabbir ekonomiku.

"Baġits soċjali bħal ta' dawn l-aħħar snin jibqgħu possibbli biss jekk l-ekonomija tibqa tikber b'ritmu tajjeb. Li l-kontijiet ma jogħlewx huwa l-akbar inċentiv, li mbagħad iridu jiżdiedu magħhom deciżjonijiet ċari favur it-tkabbir ekonomiku," insista l-eks Prim Ministru.

Faħħar ukoll il-fatt li l-Ministru Caruana kompla bi tradizzjonijiet, li fi kliemu bdew Gvernijiet immexxija minnu, biex ma jiżdidux taxxi filwaqt li jibqgħu jiddaħħlu miżuri soċjali.

More in Politika