Baġit 2023 | 'Id-differenza fit-taxxa tal-part-time u l-overtime qed twassal biex iżżid mal-isfida tan-nuqqas ta' ħaddiema'

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex tilqa' ħafna mill-miżuri iżda diżappuntata bin-nuqqas ta' investiment fil-Hub tal-Innovazzjoni Diġitali fix-Xewkija

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex (GBC) tirrimarka b'pożittività l-impenn fil-Baġit għas-sena 2023, favur is-sostenibilità u d-diġitalizzazzjoni f'Għawdex. 

Intant il-GBC innotat li d-differenza fir-rata ta' taxxa tal-part-time u l-overtime qed twassal biex tkompli żżid mal-isfida ta' nuqqas ta' ħaddiema.  "Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex kienet qed tistenna li dawn ir-rati ta' taxxa ikunu ugwali biex tirrifletti r-realtajiet ġodda li diversi negozjanti qed jaffaċċjaw," qalet il-Kamra. 

Hija tirrikonoxxi skemi oħra mħabbra lbieraħ filgħaxija fosthom li kumpaniji Għawdxin li jinvestu f'mudell ta' negozju sostenibbli u diġitali se jingħataw 10% ta' kreditu ta' taxxa u 10% kreditu addizjonali (jiġifieri 20% kreditu ta' taxxa totali) jekk il-kumpanija tinvesti biex tnaqqas l-impatt tal-karbonju tagħhom. F'dan il-kuntest tilqa' wkoll l-assistenza li se tingħata mill-Gvern b'għotja ta' €2,000 bil-għan li jiskrappjaw vetturi li joħolqu ħafna tniġġis. 

Min-naħa l-oħra l-Kamra irrimarkat li kienet qed tistenna aktar pakketti ta' inċentivi għall-Hub ta' Innovazzjoni Diġitali fix-Xewkija, li sa issa mhux qed tintuża daqstant. Intant talbet li xogħolijiet bħalma huma ż-żona tal-parkeġġ fir-Rabat u l-bini ta' sptar ġdid f'Għawdex biex jibdew minnufih. Dan filwaqt li talbet ukoll li jitkompla l-proġett ta' djar tal-anzjani għaliex "hu importanti li xogħolijiet bħal dawn ma jitħallewx fuq l-ixkaffa." 

More in Politika