Baġit 2023 | In-negozjanti sodisfatti bis-sussidji tal-enerġija; Xtaqu jaraw aktar soluzzjonijiet fit-tul

Isemmu fost oħrajn it-traffiku u n-nuqqas ta' ħaddiema. Jisħqu li l-Baġit huwa iffoka aktar biex il-Maltin ikollhom aktar flus fil-but milli biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja

Il-Kamra Maltija tal-SMEs faħħret il-fatt li l-Gvern qed ikompli jżid l-għajnuna tiegħu biex il-familji u n-negozji Maltin ma jkunux milquta miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija. Madanakollu qalet li l-Baġit huwa nieqes mill-bżonn ta’ aktar azzjoni dwar sfidi kruċjali oħra li qed jiffaċċjaw in-negozji.

Fi stqarrija, apparti s-sussidju għall-enerġija, il-Kamra tal-SMEs faħħret l-estensjoni u t-twessigħ tal-Iskema tas-Sussidju tal-Kera ul-ħidma li qed issir biex jiġu indirizzati kwistjonijiet mas-servizzi bankarji u l-importanza dejjem akbar li qed tingħata lill-estetika fl-iżvilupp tal-bini. 

Mill-banda l-oħra, il-Kamra tal-SMEs qalet li l-Baġit jonqos milli jindirizza b’mod effettiv sfidi ewlenin oħra.

“Kwistjonijiet serji ħafna ġew biss imsemmija f’dan id-diskors tal-Budget, li huwa ‘l bogħod wisq mill-azzjoni li Malta għandha tieħu bħalissa, bħala stadju ta’ implimentazzjoni,” qalet l-istqarrija.

Fost dawn semmiet il-kriżi serja tal-impjiegi u t-traffiku impossibbli.

“Dawn il-kwistjonijiet qed jaffettwaw serjament il-produttività u ma nistgħux nibdew naħsbu dwar il-politiki issa, mingħajr l-ebda soluzzjoni,” temmet tgħid.

'Baġit li jippreserva l-mudell ekonomiku ... xtaqna aktar ambizzjoni'

Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ qalet li l-Gvern qed juża r-riżorsi kollha tiegħu biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, xi ħaġa pożittiva, iżda qalet li xtaqet tara aktar appoġġ fejn tidħol l-innovazzjoni u niċeċ oħra ekonomiċi li jiggarantixxu l-iżvilupp sostenibbli.

Il-Kamra qalet li huwa tajjeb li l-Gvern irrikonoxxa kif minkejja investimenti li saru, it-traffiku jibqa problema kbira u għalhekk qed jistudja l-possibbilità li ċertu servizzi jibdew jingħataw wara d-9am.

Faħħret ukoll il-fatt li l-Gvern qed jagħmel enfasi fuq il-kwalità u l-fatturi estetiċi ta’ żviluppi ġodda. Fi kliemha dawn huma żewġ eżempji żgħar li jistgħu jtejbu l-kwalità tal-ħajja.

Innutat kif il-maġġoranza tal-proposti huma intiżi biex il-Maltin jibqa’ jkollhom flus fil-but aktar milli biex tkun imtejba l-kwalità tal-ħajja.

“Filwaqt li s-sussidju tal-enerġija u l-flus fil-but huma importanti ħafna għan-negozji, il-pajjiż irid strateġija fit-tul,” qalet il-Kamra tal-Kummerċ.

More in Politika