Baġit 2023 | 'F'pajjiżi li ma ħadux passi kuraġġużi bħalma għamlet Malta batew negozji żgħar u medji'

L-MHRA tilqa' l-baġit, tfaħħar is-sussidji tal-enerġija u twissi biex l-Airmalta tibqa' topera mingħajr interruzzjonijiet

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) tilqa' l-baġit għall-2023 u tfaħħar "l-investiment tal-Gvern ta' €600 miljun, jiġifieri 10% tal-baġit kollu. Din, bla dubju, hi l-aktar miżura importanti biex niżguraw aktar sostenibiltà fis-settur turistiku." 

Hija tinnota li f'pajjiżi li ma ħadux dawn "il-passi kuraġġużi bħalma għamlet Malta", hemm bosta negozji żgħar u medji li qed isibuha diffiċli jkampaw.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Tonio Cini jirrimarka li l-konnettività tal-ajru tibqa' ċ-ċavetta ta' ekonomija ta' suċċess speċjalment fl-industrija tat-turiżmu hekk kif 99% tat-turisti jiġu Malta bl-ajru. F'dan is-sens Cini jisħaq li l-AirMalta tibqa' strumentali għal din l-industrija u għaldaqstant jemmen li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tibqa' topera, "mingħajr ebda interruzzjonijiet."

Cini żied li għandha tingħata attenzjoni urġenti lil żoni partikolari madwar Malta u għawdex biex il-livell ta' ndafa jinżamm. Apparti minn hekk l-MHRA qalet li filwaqt li tilqa' l-investiment għall-infrastruttura, id-distrubuzzjoni tal-elettriku u l-produzzjoni tal-ilma għandha tingħata priorità s-sistema tad-drenaġġ. 

"L-MHRA tfaħħar ukoll il-varjetà ta' benefiċċji soċjali, l-inċentivi ta' taxxa u emolumenti tal-impjegati li jaħdmu fis-settur turistiku," temmet tgħid l-MHRA. 

Ara l-Baġit f'inqas minn tliet minuti

More in Politika