Baġit 2023 | Għall-GWU kien 'baġit ġust'... Għall-UĦM 'nieqes mill-viżjoni'

Għall-UĦM hemm miżuri tajbin imma nuqqas ta' viżjoni imma għall-GWU dan kien baġit b'elenku ta' miżuri pożittivi li jiggarantixxu tkabbir

Il-Ministru Caruana jressaq il-Baġit 2023
Il-Ministru Caruana jressaq il-Baġit 2023

Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-Budget 2023, il-UHM Voice of the Workers innotat li dan kien fih miżuri biex jittaffa l-impatt tal-għoli tal-ħajja "imma nieqes minn direzzjoni ekonomika, miżuri ambjentali u viżjoni fit-tul." Minn naħa tagħha l-General Workers' Union sostniet illi dan kien baġit soċjalment ġust u responsabbli "li se jkompli jibni fuq il-qafas soċjali ta' baġits imgħoddija."

Il-UHM Voice of the Workers esprimiet s-sodisfazzjon li l-Gvern laqa l-proposta xprunata minnha bl-appoġġ tal-unions ewlenin l-oħra dwar il-COLA u biex tkun imħarsa r-relattività fil-pagi tal-ħaddiema tas-settur pubbliku u entitajiet governattivi. "Permezz ta’ din il-proposta dawn il-ħaddiema se jieħdu bejniethom €10 miljun. Li kieku ma kienx għal din il-proposta din is-sena ħafna ħaddiema fiċ-ċivil u f’entitajiet pubbliċi ma kinux se jieħdu żieda tal-għoli tal-ħajja."

Minkejja dan, l-istess unjin sostniet li l-baġit għandu nuqqas ta' viżjoni dwar l-istrateġija ekonomika fit-tul u tfakkar kif fil-preżent il-pajjiż jeħtieġ investiment fir-riżorsi umani. "Il-Baġit ma jsemmix kif se tiżdied il-produttività biex issir il-bidla minn ekonomija tal-kwantità għal waħda ibbażata fuq il-kwalità u l-valur miżjud. Fl-istess ħin mhux qed jintqal kif se jkun attirat investiment f’setturi ġodda."

Il-UĦM ikkritkat ukoll il-flus allokati għal Steward Healthcare, li se tieħu €93 miljun, meta fl-2021 kienet qed tieħu €50 miljun u qalet ukoll li sfortunatament il-Gvern "ma sabx flus biex ħaddiema li kienu trasferiti minn Steward għal mal-Gvern jingħatawlhom is-snin ta’ servizz li diġà kellhom u minflok kellhom jerġgħu jibdew mill-iskala t’isfel. Din hi sitwazzjoni li jeħtieġ li tkun indirizzata mill-iktar fis."

"Filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna għadhom qed isibu saqajhom u jissieltu ma’ kriżi il-Gvern Malti ħabbar baġit li jiggarantixxi tkabbir" - GWU

Intant il-GWU qalet fi stqarrija li hija sodisfatta illi dan huwa baġit ieħor b’ruħ soċjali. "Filwaqt li pajjiżi ġirien tagħna għadhom qed isibu saqajhom u jissieltu ma’ kriżi ekonomika, il-Gvern Malti ħabbar baġit li jiggarantixxi tkabbir ekonomiku, serħan il-moħħ u fuq kollox sensittiv lejn ir-ruħ soċjali. Baġit li jgħin u jsostni dawk l-aktar vunerabli f’soċjetà tagħna.”

Għall-GWU l-aktar miżura importanti minn dawk imħabbra hija li l-Gvern qed jiggarantixxi li se jibqa’ jissussidja l-prezz tal-enerġija, fjuwil u ċereali. Spiża li se tammonta għal €608 miljun. Dan mingħajr ma jintroduċi taxxi ġodda, kif ukoll qed jiggarantixxi s-sostennibilità fiskali ta’ pajjiżna. Il-Unjin qalet ukoll li hija sodisfatta biż-żieda fil-pensjonijiet id-dħul tat-tieni mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA, iż-żieda fiċ-Childrens’ Allowance, iż-żieda fil-Carers’ Grant, l-għotja għall-1st time buyers, iż-żieda fl-istipendji u refunds tat-taxxa fost oħrajn. 

“Il-Gvern seta’ jagħmel dan għax tul ix-xhur u snin li għaddew iggarantixxa stabbiltà fost il-familji, ħaddiema u l-intrapriżi. Baġit li se jara rkupru fl-ekonomija, u li qed jara l-isfidi kurrenti bħala opportunitajiet biex l-intrapriżi Maltin u l-investiment barrani jkomplu jikbru,” temmet tgħid il-GWU.

More in Politika