Baġit 2023 | Inqas taxxa għall-pensjonanti u bonus ogħla għal dawk li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja

Il-Gvern iħabbar ukoll li se jkompli l-aġġustamenti għall-pensjoni tar-romol

Apparti ż-żieda fil-pensjonijiet li se tkun ta' €12.50 inkluż il-COLA, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ħabbar estensjoni ta' diversi miżuri li minnhom se jibbenefikaw il-pensjonanti.

Aġġustament għal ħelsien mit-taxxa għal pensjonanti attivi

Fil-Baġit li għadda, il-Gvern ħabbar li f’temp ta’ ħames snin, id-dħul mill-pensjoni mhux se jibqa’ jiġi kkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa. Dan sabiex aktar pensjonanti jibqgħu attivi u jkomplu jaħdmu wara li jilħqu l-età tal-irtirar.

F’dan l-isfond din is-sena madwar 20% tad-dħul mill-pensjoni mhux se jibqa’ jiġi kkalkulat bħala dħul għal fini tat-taxxa filwaqt li għas-sena d-dieħla l-ammont injorat għal fini tat-taxxa ser jiżdied għal 40%.

Din il-miżura ser tiswa b’kollox €27 miljun fejn ser jibbenefikaw kważi 17,000 pensjonant.

 

Ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjoni

Il-Ministru spjega kif il-limitu ta’ dħul mill-pensjoni li mhux taxxabbli se jerġa' jogħla b’kemm se jkunu qed jogħlew il-pensjonijiet sabiex min jaqla’ sal-ekwivalenti tal-pensjoni massima jibqa’ ma jkunx taxxabbli.

B’hekk dan l-ammont is-sena d-dieħla sr jitla’ għal €14,968. Dawk b’komputazzjoni ta’ miżżewġin ikomplu jgawdu minn eżenżjoni mit-taxxa fuq kull dħul ieħor sa €3,600 fis-sena.

Se ndaħħlu wkoll limitu ġdid li jikkonċerna pensjonanti li twieldu mill-1962 ’il quddiem li se jkun abbinat mal-ogħla pensjoni li tali persuni jkunu jistgħu jirċievu.

Bonus għall-għoli tal-ħajja jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha

Se jkompli wkoll il-proċess li beda fl-2022 biex il-bonus għall-għoli tal-ħajja jibda jitħallas sħiħ lill-pensjonanti kollha li rtiraw wara l-2008.

B’hekk fl-2023, 56,000 pensjonant ser igawdi minn żieda addizzjonali varjabbli sa massimu ta’ €1.50 fil-ġimgħa, b’nefqa ta’ kważi €1.7 miljuni.

Pensjonanti tas-servizz

Se tiżdied għal darb’oħra b’€200 l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li jiġi injorat fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. B’hekk matul l-2023, is-somma eżentata għal dan l-iskop ser titla’ għal €3,266.

Il-pensjonanti tas-servizz li għandhom 72 sena jew aktar ser ikomplu jgawdu mit-titjib li ddaħħal fl-aħħar sentejn li jikkonċerna l-parti tal-pensjoni tas-servizz li jkunu kkommutaw biex jieħdu s-somma, li issa qed tkun eżentata kollha.

Inkomplu naġġustaw il-pensjonijiet tar-romol

Se jkomplu wkoll l-aġġustament b’mod gradwali fir-rata tal-pensjoni tar-romol biex sal-aħħar tal-leġiżlatura tkun ekwivalenti għall-pensjoni tal-konjuġi tagħhom li jkun ġie nieqes.

B’dan l-aġġustament qed nistmaw li kważi 9,000 romol se jgawdu minn żidiet addizzjonali fil-pensjoni tagħhom li jistgħu jlaħħqu sa €3.54 oħra fil-ġimgħa bħala medja, b’nefqa ta’ madwar €1.6 miljun.

Dritt għall-benefiċċji short-term lill-ħaddiema li jirċievu pensjoni tar-romol

Sal-lum ħaddiema li jkunu qed jirċievu pensjoni tar-romol għax ikunu romlu ta’ età żgħira mhumiex intitolati għall-benefiċċji kontributorji tal-qgħad, mard jew korriment fuq ix-xogħol minħabba li jkunu qed jirċievu l-pensjoni tar-romol.

Mis-sena li ġejja dan ser jinbidel u issa ser ikunu jistgħu jiġu intitolati għal dawn il-benefiċċji wkoll jekk jiġu bżonnhom u skont il-ħlas tal-bolla.

Se jiżdiedu l-anzjani li ma jikkwalifikawx għall-pensjoni kontributorja

Il-Gvern ħabbar li se jżied b’€50 il-bonus ta’ kull sena għal persuni li jkunu laħqu l-età tal-irtirar iżda ma jikkwalifikawx għall-pensjoni għax ma kellhomx biżżejjed kontribuzzjonijiet.

Fl-2023, il-bonus għal dawk li ħallsu anqas minn 5 snin kontribuzzjonijiet se jitla’ għal €450 fis-sena waqt li għal persuni li ħallsu aktar minn 5 snin imma anqas minn 10 snin bolol, il-bonus ser jiżdied għal €550 fis-sena.

Madwar 15,000 persuna, l-aktar nisa miżżewġa, se jgawdu minn din iż-żieda b’nefqa totali ta’ kważi €800,000.

More in Politika