Baġit 2023 | €1 minn kull €10 li se jonfoq il-Gvern se jmorru biex il-prezzijiet tal-enerġija ma jogħlewx

Il-Ministru Caruana qal li l-Gvern qed ibassar tkabbir ekonomiku ta' 7.3%, liema tkabbir se jkun qed jagħmilha possibbli li l-Gvern jibqa' jissisudja l-enerġija u jnaqqas id-defiċit

Clyde Caruana
Clyde Caruana

Il-Ministru Clyde Caruana ta rendikont dettaljat tal-qagħda finanzjarja u ekonomika tal-pajjiż anke fid-dawl ta' diversi sfidi internazzjonali li waslu għal żieda drastika fil-prezz internazzjonali tal-enerġija u anke għall-inflazzjoni.

Fil-fatt, il-Ministru spjega kif il-Gvern se jkompli jissusidja l-enerġija bil-għan li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli. Tant hu hekk li għal kull €10 li se jonfoq il-Gvern matul l-2023, €1 se jkun qed imur għal dawn is-sussidji.

Dan ifisser li dawn is-sussidji se jammontaw għal 9.3% tal-ispiża rikorrenti tal-Gvern għas-sena 2023. Matul din l-aħħar sena, il-Gvern ħareġ xejn inqas minn €580 miljun għal dawn is-sussidji, jiġifieri 6.4% tan-nefqa rikorrenti tiegħu.

Tkabbir ekonomiku ta' 7.3%

Il-Ministru spjega wkoll kif minkejja dawn l-isfidi, matul is-sena d-dieħla Malta se tara tkabbir ekonomiku ta' 7.3%, liema tkabbir, fi kliemu, se jkun qed jagħmilha possibbli li l-Gvern jibqa' jissisudja l-enerġija u jnaqqas id-defiċit. 

Dan it-tkabbir ekonomiku se jkun akbar mit-tkabbir medju fl-Unjoni Ewropea.

Inflazzjoni minn 5.7% għal 3.7% ... kienet tkun ogħla mingħajr sussidji

L-inflazzjoni hija l-akbar uġigħ ta' ras bħalissa. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru spjega li sal-aħħar ta' din is-sena, l-inflazzjoni se tkun laħqet il-5.7%.

Is-sena d-dieħla din mistennija tinżel għal 3.7% anke jekk fi kliem Caruana, xorta waħda se tkun waħda sostanzjali. 

Kien hawn li spjega kif minkejja kollox, ir-rata tal-inflazzjoni f'Malta hija l-inqas fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro iżda qal li kienet tkun fost l-ogħla kieku l-Gvern ma ħariġx is-sussidji li ħareġ biex iżomm, fost oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel stabbli.

Fl-2024, il-Gvern se jdaħħal aktar milli joħroġ

Il-Gvern mistenni jagħlaq is-sena b'Defiċit ta' 5.8%, bil-Ministru jispjega kif dan ifisser li l-Gvern laħaq il-mira li ħabbar is-sena li għaddiet. Id-defiċit, fl-aħħar tas-sena 2023, mistenni jkun ta' 5.5%.

Il-Ministru Caruana kompla jispjega kif in-nefqa tal-Gvern matul l-2022 naqqset minkejja l-isfidi u s-sussidji li ħareġ iżda xorta waħda baqgħet ogħla mid-dħul tiegħu.

Hekk mistennija tibqa' tul is-sena d-dieħla iżda hekk kif is-sitwazzjoni tkompli tistabbilizza ruħha, il-Gvern qed ibassar li tul l-2024 ikun qed jerġa' jdaħħal aktar milli jonfoq.

Nefqa kapitali

Il-Ministru Caruana qal ukoll li n-nefqa kapitali tal-Gvern mistennija tkun ta'  €920 miljun, jiġifieri aktar minn dik tal-2022. Minkejja dan, terz minn din in-nefqa se tkun ġejja minn fondi Ewropej.

More in Politika