Baġit 2023 | COLA: €9.90 żieda fil-ġimgħa u l-anzjani b'żieda ta' €12.50 ... L-ogħla żieda tal-COLA fi 22 sena

Dan ifisser li l-ħaddiema se jieħdu żieda ta' €516 fis-sena u l-pensjonanti jieħdu €650

Il-pressjoni inflazzjonarja ħalliet effetti li kulħadd - inkluż l-illum.com.mt - tkellem dwarha. Inflazzjoni kkaġunata l-aktar mill-prezzijiet tal-ikel hekk kif il-Gvern issussidja l-enerġija u allura dan il-komponent ma affetwax ir-rata inflazzjonarja. Għalhekk il-COLA imħabbra f'dan il-Baġit hija l-ogħla li ingħatat f'dawn l-aħħar 22 sena b'€9.90 fil-ġimgħa, f'każ tal-ħaddiema u €12.50 fil-każ tal-pensjonanti. 

Dan jgħodd b'kollox għal kważi €515 fis-sena għall-ħaddiema kollha u €650 fis-sena f'COLA għall-pensjonanti. B'kollox huma 100,000 pensjonant li se jkunu qed jirċievu din iż-żieda.

Il-Kamra tal-Kummerċ fil-proposti tagħha għall-baġit ipproponiet li l-COLA ma tingħatax kollha f'daqqa iżda minflok il-Gvern jagħti €6 kull sena għat-tliet snin li ġejjin, proposta li sabet lill-unjins kontriha.

Il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana llejla ħabbar ukoll illi din id-darba l-ħaddiema tal-Gvern li jkollhom il-COLA koperta fil-ftehim kollettiv ukoll se jkunu qed jirċievu parti minn din iż-żieda mħabbra illejla, hekk kif dik koperta fil-ftehim kollettiv mhix biżżejjed biex tagħmel tajjeb għall-effetti inflazzjonarji. Fil-fatt il-ħaddiema tal-Gvern se jkunu qed jieħdu €3.50 kull wieħed u fil-każ ta dawk li jaqilgħu l-inqas u allura dawk fl-iskali bejn 17 u 20 dawn se jkunu qed jieħdu €3.50 fil-ġimgħa u għotja flus kontanti separatament. 

Il-Gvern ser ikun qed jara li l-ħaddiema tas-settur privat li jaħdmu bħala parti minn kuntratt tal-Gvern jieħdu ż-żieda sħiħa tal-għoli tal-ħajja hekk kif il-Gvern ser ikun qed joħroġ id- differenza mar-rati stabbiliti. In-nefqa ta’ din il-miżura hija ta’ €3 miljun u għandha l-għan aħħari li twieżen lill-ħaddiema b’mod ekwu.

L-istudenti se jkunu qed jieħdu ż-żieda fil-COLA b'mod pro rata li jgħodd għal madwar €50 aktar fis-sena. 

Benifiċjarji tal-assistenzi soċjali jirċievu ż-żieda għall- għoli tal-ħajja sħiħa

Minn din is-sena ’l quddiem, persuni li jgħixu fuq l-assistenzi soċjali bdew jirċievu għall-ewwel darba ż-żieda għall-għoli tal- ħajja sħiħa.

Għaldaqstant is-sena d-dieħla dawn il-persuni mill-ġdid ser jirċievu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja sħiħa u għalhekk dawn l-għajnuniet ser jiżdiedu wkoll b’€9.90 

More in Politika