Aġġornata | L-MUT tgħid li kien hemm Pulizija għal superviżjoni u l-Kulleġġ jgħid li kienu hemm għal attività edukattiva

Aktar kmieni l-MUT allegat li l-Kulleġġ impjega Pulizija pajżana li beda juża metodi ta' dixxiplina li jintużaw fil-Korp

Ir-Rettur u l-Amministrazzjoni tal-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir, fil-Belt Valletta, tiċħad l-allegazzjonijiet tal-Unjin Maltija għall-Għalliema (MUT) li s-superviżjoni fl-iskola qed issir minn uffiċjal tal-pulizija, imqabbad mir-Rettur. 

"M'hemm l-ebda Pulizija pajżana impjegati mal-Kulleġġ biex iwettqu xogħol ta' superviżjoni mal-istudenti flok l-għalliema", qal il-Kulleġġ bħala reazzjoni għall-istqarrija tal-MUT. 

Intant l-MUT aktar kmieni llum qalet li kkomunikat dawn l-allegazzjonijiet lill-Kurja u anke lill-Ministeru għall-Edukazzjoni wara li kkonfermat dan ma' diversi sorsi mill-kulleġġ u anke minn ġenituri. "Allegatament, dan l-uffiċjal tal-pulizija, li ġie rekrutat bla ebda sejħa, waqt is-superviżjoni uża wkoll metodi ta’ dixxiplina li jintużaw fil-korpi sabiex jiddixiplina lit-tfal," qalet il-Unjin.  

Minkejja dan l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ tisħaq li bħala parti mill-attivitajiet li jiġu organizzati għat-tfal, żewġ pulizija kienu l-kulleġġ nhar l-Erbgħa 12 ta' Ottubru, biex jagħmlu sessjoni mat-tfal fuq l-irwol tal-Pulizija fil-Kommunità.

Ritratt mibgħut mill-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir waqt l-attività imsemmija
Ritratt mibgħut mill-Kulleġġ ta' San Albert il-Kbir waqt l-attività imsemmija

L-MUT ikkundannat dak li qed issejjaħ bħala tmexxija dilletanteska min-naħa tar-Rettur.

"Huwa ċar li r-rettur tal-kulleġġ qiegħed jitħalla jmexxi l-iskola mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-obbligi tiegħu, jiġifieri li jipprovdi l-aqwa edukazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ fdati f’idejh. Minflok, qed imexxi l-kulleġġ bl-aktar mod dillettantesk, saħansitra billi jdaħħal lil min irid fl-iskola biex jagħmel xogħol l-għalliema. Dan biex ma nsemmux ukoll l-isforzi li qiegħed jagħmel sabiex jistieden terzi fil-kulleġġ, li mhumiex kwalifikati fl-istandards edukattivi, ħalli wara li jaraw il-kurituri mżejna u t-tfal fil-klassijiet jgħidu li kollox miexi b’mod normali," qalet il-Unjin.  

Insistiet li l-kulleġġ qiegħed jopera mingħajr liċenzja u appellaw lir-Rettur biex jerfa' r-responsabbilità.

L-MUT ilha issa xhur tikkritika lir-Rettur tal-Kulleġġ, Patri Aaron Zahra O.P. minn meta tkeċċa Mario Mallia minn Kap tal-Iskola. Madanakollu, f'intervista ppubblikata lbieraħ fuq il-gazzetta ILLUM, ir-Rettur insista li dak li qed tgħid l-MUT mhuwiex minnu u li l-iskola miexja ħarir tant li l-pjan ta' kontinġenza li kienet ħabbret il-kurja ma għadux fattibbli.

Ikkonferma li għad hemm xi għalliema nieqsa, imma qal ukoll li din hija sfida li qed jiffaċċjaw diversi skejjel, speċjalment fejn jidħlu għalliema tal-Computer Studies u l-IT. 

Saħansitra qal li kien hemm nuqqasijiet fi żmien l-amministrazzjoni ta' Mallia li hu qed jindirizza u li l-MUT qatt qabel ma tkellmet dwarhom.

More in Politika