Robert Aquilina b'talba oħra biex il-Maġistrat Lia tirrikuża ruħha minn kawża ta' theddid kontrih

Huwa qal li f'każ partikolari raġel ammetta mal-pulizija li kien qed isegwi l-passi tiegħu u ta' uliedu u sostna li t-theddid fuqu tant hu sejru li organizzazzjoni partikolari diġà għarrfu lill-PM u lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan...

Nadine Lia (xellug) u Robert Aquilina (lemin)
Nadine Lia (xellug) u Robert Aquilina (lemin)

Il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquiina ppreżenta rikors biex - mill-ġdid - jitlob għar-rikuża tal-Maġistrat Nadine Lia f'kawża li l-fetaħ kontra  raġel li jinsab akkuzat, fost ohrajn, b’akkuzi relatati ma’ incitament ta’ vjolenza fuq Aquilina in konnessjoni mal-funzjoni tiegħu ta' President tal-NGO Repubblika.

Aquilina qal illi dan ir-rikors qed isir fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti fil-konfront tal-Maġistrat Lia li ntalbet ma tibqax tippresiedi l-każ li l-għaqda Repubblika fetħet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija fid-dawl ta' mandati ta' arresti kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus li baqgħu ma ġewx esegwiti. L-għaqda qalet li ma temminx li Lia tista' tkun imparzjali minħabba parentela li għandha ma' Pawlu Lia - avukat tal-eks PM Joseph Muscat u tal-eks Ministru Konrad Mizzi. 

Aquilina fakkar li hu ma għandu ebda mezz kif iħares is-sigurtà tiegħu u ta' familtu minn diversi istanzi ta' theddid - anonimu jew le - li qal illi ilu jirċievi minn kemm ilu President tal-istess għaqda, "ħlief li nirrikorri għall-Qorti b'kawża bħal din u nistenna li l-istess Qorti tkun imparzjali u nistenna l-uniku rimedju legali li jista' jkolli għall-protezzjoni." 

Robert Aquilina qal li tant huwa serju t-theddid fil-konfront tiegħu, "li anke organizzazzjonijiet barranin bhal Scottish PEN riċentement kitbu lill-awtoritajiet Maltin - inkluz lill-Prim Ministru u lill-Kummissarju tal-Pulizija - fejn urew it-tħassib tagħhom għas-sigurtà tiegħi u tal-familja tiegħi u talbu protezzjoni għalina. Frontline Defenders ukoll fl-aħħar xhur urew il-preokkupazzjoni serja tagħhom u saħansitra kellhom jipprovduni b’għajnuna ta’ sigurtà." 

Aquilina qal li f'każ partikolari raġel diġà ammetta mal-pulizija li kien qed isegwi l-passi tiegħu u ta' uliedu fi knejjes.  

Huwa kompla jisħaq li għalhekk ma tagħmilx sens li l-Maġistrat fil-każ tkun persuna li l-kunjatu tagħha stess "aggredieni verbalment fil-pubbliku u ppreteneda li nagħlaq ħalqi ftit ġimgħat ilu." 

Ir-rikors kien preżentat mill-Avukat Jason Azzopardi f’ismi.

 

More in Politika