It-truppi Russi u Ukreni qed jippreparaw ruħhom għal battalja taħraq għall-port industrijali ta' Kherson, li jinsab fin-nofsinhar tal-pajjiż u fiċ-ċentru ta' wieħed mir-reġjuni li Putin illegalment ħataf u għamel tar-Russja fl-aħħar ġimgħat.
Ilbieraħ fil-fatt kien irrapportat ġlied u anke evakwazzjonijiet fir-reġjun ta' Kherson filwaqt li Moska baqgħet titfa' aktar missili u twettaq attakki bid-drones sabiex tkisser infrastruttura kruċjali.
Id-Dittatur Russu Vladimir Putin iddikjara l-Liġi Marzjali fuq ir-reġjuni ta' Kherson, Donetsk u Zaporizhzhia sabiex jipprova jasserixxi l-awtorità Russa fuq il-pajjiż hekk kif ir-Russja baqgħet tiffaċċja aktar telf fosthom problemi biex ikunu mobilizzati t-truppi, sanzjonijiet internazzjonali u kritika ma taqta' xejn, anke fir-Russja stess.
Il-belt ta' Kherson, li għandha popolazzjoni ta' madwar 284,000 persuna, kienet waħda mill-ewwel żoni urbani li ħatfet taħt idejha r-Russja meta invadiet lill-Ukrajna u tibqa' - sal-lum- l-akbar belt Ukrena li fil-fatt ħatfet. Hija wkoll mira primarja - kemm għall-Ukreni kif ukoll għar-Russi hekk kif fiha hemm industriji kruċjali kif ukoll port. Jidher ukoll illi f'din il-belt hemm fost l-eqqel moviment anti-Russja mit-territorju kollu li ġie illegalment okkupat.
Intant ilbieraħ l-Ukrajna fetħet 15-il attakk fuq bażijiet militari Russi fir-reġjun ta' Kherson b'uffiċjali Russi jgħidu li fil-fatt il-forzi Ukreni wettqu ħames attakki b'missili fuq il-Power Station idroelettrika ta' Kakhova u anke d-Diga li jemm fil-post.