Il-Gvern iniedi skema biex studenti bid-dottorat jingħataw l-opportunità sabiex jingħaqdu ma’ negozji lokali

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip, filwaqt li qal li minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi li d-dinja qiegħda tiffaċċja f’dan il-mument

Keith Azzopardi Tanti
Keith Azzopardi Tanti

Il-Gvern nieda l-“Post Doctoral Fellowship Scheme”, b’investiment ta’ €300,000. Din l-iskema ġiet imnedija għall-ewwel darba b’kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Kamra tal-Kummerċ u permezz tagħha studenti gradwati bid-dottorat se jingħataw l-opportunità sabiex jingħaqdu ma’ negozji lokali għal skop ta’ riċerka. Għaldaqstant, diversi studenti li kisbu d-dottorat, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna, se jkollhom ċ-ċans iwettqu dak li tgħallmu fil-prattika bil-għan li jgħinu l-industrija lokali filwaqt li jiksbu l-esperjenza meħtieġa.

Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Keith Azzopardi Tanti waqt li kien qiegħed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti saħaq dwar l-importanza ta’ kollaborazzjonijiet ta’ dan it-tip, filwaqt li qal li minkejja d-diffikultajiet ekonomiċi li d-dinja qiegħda tiffaċċja f’dan il-mument, "il-Gvern Malti qiegħed ikompli jinvesti fis-setturi tar-riċerka u fl-edukazzjoni billi jqanqal aktar interess ta’ studenti gradwati li jagħtu kontribut lis-settur industrijali ta’ pajjiżna.”

Huwa sostna li permezz tal-implimentazzjoni ta’ din il-miżura tal-baġit, il-gvern qiegħed jagħti inċentiv lill-industrija lokali sabiex, flimkien ma’ riċerkaturi lokali, jespandu l-prodotti u s-servizzi tagħhom, biex b’hekk ikabbru n-negozju u jkunu kompetittivi fis-suq internazzjonali.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li l-Kamra tal-Kummerċ spiss titkellem dwar in-nuqqas ta’ ħiliet misjuba lokalment u l-ħtieġa li nelevaw il-produttività. Hija kompliet tgħid li din l-iskema se tgħin biex tqarreb il-ħiliet prodotti mill-università mal-ħtigijiet tal-industrija lokali, filwaqt li toħloq iktar kollaborazzjoni bejn l-università u min iħaddem, bl-iskop aħħari li l-industrija timraħ f’niċeċ ġodda u jinkisbu riżultati aħjar.

Min-naħa tiegħu, ir-Rettur tal-Università ta’ Malta Prof. Alfred Vella stqarr li din l-iskema se tagħti l-aċċess lill-università biex taħdem mill-qrib mal-Kamra tal-Kummerċ u s-segretarjat parlamentari bil-għan li jiġu implimentati diversi proġetti għar-riċerka u l-innovazzjoni li jħallu impatt qawwi fl-industrija lokali. “Bi pjaċir nilqgħu din l-opportunità li nkabbru n-numru ta’ studenti post-dottorat mill-università li jwettqu proġetti ta’ riċerka ta’ kwalità relevanti għall-ekonomija Maltija”, temm jgħid il-Professur Vella.

More in Politika