Baġit 2023 | 'Ir-ruħ soċjali tal-PN tiddistingwih mill-bqija tal-partiti politiċi f'pajjiżna' - Bernard Grech

Il-PN iniedi d-dokument ta' qabel il-baġit 2023, bit-tema ta' Kwalità ta' Ħajja Aħjar 

F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u mill-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, Grech saħaq li huwa r-ruħ soċjali li jiddistingwi lill-PN mil-bqija tal-partiti politiċi f'pajjiżna. Dan qalu hekk kif Grech u Caruana Cilia nieda d-dokument ta' qabel il-Baġit 2023. 

Fil-fatt it-tema ewlenija ta' dan id-dokument, b'proposti li jolqtu setturi varji huwa "il-kwalità ta' ħajja li tixraqlek." F’dan id-Dokument hemm miġbura aktar minn 340 proposta, rakkomandazzjoni jew punti ta’ azzjoni. Proposti li jistgħu jnisslu d-diskussjoni, iżda li jekk il-Gvern jimplimentahom, "iġibu diffirenza f’kull wieħed u waħda minna." 

Grech saħaq li fil-kuntest ta' rkupru ekonomiku u fl-isfond ta’ sfidi globali, "ir-ruħ soċjali jeħtieġ li tkun il-boxxla li tmexxina lejn fejn irridu naslu mingħajr ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura." 

Il-kelliema saħqu li ma nistgħux inkomplu nħallu l-għoli tal-ħajja tkompli tħalli l-impatt devastanti li qed ikollha fuq l-aktar persuni vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Ma nistgħux nikkuntentaw billi nagħtu l-minimu possibbli lin-nies.

"Irridu nsawru l-klassi medja f’Malta u nwaqqfu l-mewġa ta’ familji li jgħixu għomorhom f’diffikultajiet li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra." 

Jerome Caruana Cilia saħaq li rridu nibnu l-ekonomija ta’ għada f’qafas ta’ żvilupp sostenibbli, f’pajjiż isbaħ u b’aktar spazji miftuħa, b’industrija tat-turiżmu li tiffoka fuq il-kwalità u mhux biss fuq il-volumi.

Intant dwar l-ambjent ingħad li "ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn dan is-settur bħala suġġett iżolat, iżda nibnu qafas fejn il-prijorità tal-protezzjoni tal-ambjent tkun parti integrali minn kwalunkwe settur tal-politika."

Il-kelliema saħqu wkoll li bħala pajjiż irridu nemmnu fil-potenzjal enormi ta’ Għawdex li jsir ċentru ta’ sostenibbiltà, sofistikazzjoni industrijali u sbuħija naturali fir-reġjun kollu.

Temmew jgħidu li Għawdex jistħoqqlu u għandu jingħatalu identità soċjo-ekonomika distinta, li tibni fuq il-karatteristiċi partikolari tiegħu u mhux biss dawk ta’ Malta.

More in Politika