Il-każ kontra ħames irġiel akkużati illi taw impjieg lil Melvin Theuma - is-sensar fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia - li kien falz għax lanqas kellu għafejn jattendi għalih laħaq mument partikolari llum hekk kif il-Maġistrat Monica Vella ddeċidiet li numru ta' persuni inkluż Yorgen Fenech u Keith Schembri - jitpoġġew taħt Att ta' Akkuża.
Id-digriet jiġi ġurnata wara li l-Qorti ma aċċettatx it-talba tad-difiża li titħassar ix-xhieda ta' Theuma quddiem l-inkjesta maġisterjali mill-atti tal-każ. Din it-talba seħħet wara li Theuma irrifjuta li jixhed fil-proċeduri għax qal li hu għandu dritt ma jinkriminax lilu nnifsu wara li d-difiża staqsiet jekk il-maħfra presidenzjali mogħtija lilu u marbuta mal-assassinju, tipproteġihx ukoll minn dan il-każ partikolari.
L-impjieg fantażma...
F'parti mix-xhieda tiegħu Melvin Theuma kien qal illi l-eks Chief of Staff Kastilja Keith Schembri kien tah fil-Ministeru tal-Politika Soċjali f'Mejju tas-sena 2017 - ħames xhur qabel inqatlet Daphne Caruana Galizia.
Nhar is-7 ta' Frar 2020, l-illum.com.mt irrapportat kif Theuma xehed li ma kienx jaf għalfejn ingħata impjieg mal-Gvern li għalih ma kellux għalfejn jattendi. Jixhed kif irringrazzja l'Alla li kien se jaqla' xi flus żejda. "Yorgen kien qalli: mhux aħjar paga żejda? Good luck’"
Theuma qal illi meta waqfulu l-ħlas, kellmitu persuna u qallu li jrid jibda jmur għax-xogħol inkella ma jibqax jitħallas. Jgħid illi kien kellem lil Yorgen Fenech dwar dan.
Muscat huwa persuna qrib il-Ministru Michael Farrugia u kien qal lill-pulizija, skont rapport fuq The Times, li kien Keith Schembri li għamel pressjoni biex Theuma jingħata dan l-impjieg li għalih kien qed jitħallas €1,200 fix-xahar.
Iċ-ċekkijiet waqfu wara l-elezzjoni tal-2017.