'Taħt il-Prim Ministru Abela Malta għaddiet minn serje ta' riformi pożittivi' - L-S&D b'tifħir lejn il-Gvern Malti

F'għeluq il-ħames anniversarju mill-qtil ta' Daphne l-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi tfaħħar ir-riformi li għamel il-Gvern immexxi minn Robert Abela u tgħid li dan jikkuntrasta ma' Gvernijiet tal-PPE fl-Ungerija, il-Polonja u l-Greċja...

Il-Grupp tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew qed jagħti l-appoġġ lill-Gvern Malti fuq riformi u t-tisħiħ tas-saltna tad-dritt. "Taħt il-Prim Ministru Robert Abela, Malta għaddiet minn serje ta' riformi pożittivi li tejbu l-indipendenza ġuddizzjarja u waslu għal aktar riżultati fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia." Il-partit  qal dan fi stqarrija f'għeluq il-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia u qabel ma fil-fatt ivvota favur riżoluzzjoni li rrikonixxiet it-titjib li sar f'dawn l-oqsma f'pajjiżna. 

Thijs Reuten, li tkellmet waqt id-dibattitu li sar it-Tnejn filgħaxija qalet illi l-Gvern preżenti beda riformi importanti wara l-assassinju li "pproduċew bidla vera fis-sistema ġudizzjarja. Riformi bħat-tibdil fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija u l-mod kif tinħatar il-ġudikatura, kif ukoll it-tisħiħ tal-indipendenza tal-istess ġudikatura. 

"Riformi b'saħħithom ma jwasslux għar-riżultati mil-lum għall-għada imma l-bidliet f'Malta huma inkoraġġanti.," qal l-S&D li fakkar fl-iżviluppi fil-Qorti tard il-ġimgħa l-oħra. "Għall-ġustizzja iżda sabiex isseħħ kollha hemm hi hemm bżonn li l-kompliċi kollha jinżammu kontabbli kemm jista' jkun malajr." 

L-Alleanza Progressiva tas-Soċjalisti u Demokratiċi kompliet bit-tifħir tagħha lejn il-Gvern Malti li ddeskrivietu bħala "sieħeb kostruttiv li jisma' mill-istituzzjonijiet ewropej, bħall-Parlament Ewropew u li jwettaq il-bidliet li l-poplu jixtieq illi jara." Qal illi dan jikkuntrasta ma' Gvernijiet mill-Partit Popolari Ewropew fil-Polonja, l-Ungerija u l-Greċja "li qed jinjoraw talbiet għal djalogu kostruttiv u ripetutament jirrifjutaw li jaħdmu magħna." 

More in Politika