Sal-2021 persuna minn kull erbgħa li tgħix Malta kienet immigrant... 63.8% minn barra l-UE

Statistika tal-NSO turi illi l-aktar pajjiż fl-UE li minnu twieldu immigranti li llum jgħixu Malta hija l-Italja u l-aktar pajjiż li minnu ġejjin immigranti minn barra l-UE huwa l-Filippini...

F'Malta fl-aħħar 10 snin in-numru ta' persuni li jgħixu Malta fl-etajiet ta' bejn 15 u 74 sena li jgħixu f'residenzi privati (mhux ċentri miftuħa etc...) u li twieldu barra mill-pajjiż żdied b'mod qawwi ħafna. Fil-fatt minn 5.6% fl-2012 dan il-persentaġġ tela' għal 25.7%, bl-akbar żieda tkun irreġistrata fl-2019. 

Dan ifisser li fl-2021 persuna minn kull erba' li qed tgħix Malta twieldet f'pajjiż ieħor, bil-popolazzjoni migratorja tinqasam f'dak li jirrigwarda ġeneru, 51% li huma nisa u 49% li huma rġiel. 

Dawn iċ-ċifri jirriżultaw mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), liema uffiċċju juri wkoll kif fl-2021 il-maġġoranza qawwija ta' immigranti f'Malta twieldu barra mill-Unjoni Ewropea. Xejn inqas minn 10% tal-immigranti f'Malta bejn 15 u 74 sena ġejjin mill-Filippini - li fil-fatt jidher li huwa l-aktar pajjiż lilhinn mill-Ewropa minn fejn ġejjin l-aktar immigranti. Kienu b'kollox 38.8% dawk li twieldu f'pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea, filwaqt li 14.6% ta' dawk l-immigranti li jgħixu Malta imma twieldu barra ġejjin mir-Renju Unit, li llum ma għadux parti mill-Unjoni Ewropea. Dan ifisser illi huma b'kollox 63.8% ta' dawk l-immigranti li jgħixu Malta illi fil-fatt twieldu f'pajjiż barra l-UE. 

B'kollox kienu 21.3% ta' dawk l-immigranti f'pajjiżna li twieldu f'pajjiż tal-Unjoni Ewropea bit-Taljani jkunu l-aktar immigranti f'pajjiżna li ġejjin mill-UE.(14.9%). 

Il-maġġoranza tal-immigranti f'pajjżna - skont l-NSO - kienu persuni bejn il-25 u l-54 sena (78.1%), filwaqt li 7.2% oħra kienu bejn 15 u 24 sena u 14.7% kellhom bejn 55 u 74 sena. 

More in Politika