Dawk li nefqu aktar u dawk li nefqu inqas. Tal-Enerġija, tas-Saħħa u tal-Finanzi l-aktar li qabżu l-baġit fl-2021… Għaliex?

Fejn qed jintefqu flusek? Għajnuna waqt il-pandemija, Childcare b’xejn, miljuni għall-Steward u iffinanzjar tal-Unjoni Ewropea.... Fuq xhiex intefqu t-taxxi tal-Maltin? L-ILLUM tagħti ħarsa lejn l-infiq ta’ xi Ministeri fis-sena 2021  

“Eh… bħalissa mhux żmien il-ħela”. U veru. Fil-fatt bl-għoli tal-ħajja, bil-kriżi tal-enerġija u bil-pagi li baqgħu l-istess dak li jkun joqgħod ħafna aktar attent dwar dak li ħiereġ mill-but.   

L-istess qed jagħmel il-Gvern. Fil-fatt anke waqt il-preżentazzjoni tad-dokument ta’ qabel il-baġit, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana ukoll qal li għandu jkun hemm aktar issikkar taċ-ċintorin. Apparti minn hekk, ftit qabel ma kien imħabbar mill-Ministru, diversi rapporti fuq midja differenti żvelaw kif Ministeri kienu ordnati jnaqqsu €200 miljun mill-ispiża tagħhom biex jilqgħu għaż-żieda li se jsibu ma’ wiċċhom mat-tokki tal-ewwel jum tal-2023.  

Tajjeb li nfakkru li, minkejja li entità tal-Gvern u mhux Ministeru, l-istess ġara fil-każ ta’ Transport Malta li minn issa ‘l quddiem, taħt l-ordni tal-Brigadier Jeffrey Curmi, daqshekk se tkun qed tibqa’ toffri ħalib b’xejn għall-ħaddiema tagħha, li jammontaw għal madwar 1,000 persuna.  

Biex il-qarrejja jifhmu aħjar fejn l-aktar li qed jintefqu flus l-ILLUM qabdet l-esitmi tan-nefqa rikorrenti tas-sena 2021 tal-Ministeri kollha, li fiha n-numri jindikaw li l-Ministeri ta’ Michael Farrugia, ta’ Chris Fearne u ta’ Clyde Caruana huma l-aktar li qabżu l-baġit allokat għalihom fil-Baġit imħabbar fl-2020.   

Il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp sostenibbli jaqbeż il-baġit bi kważi kwart ta’ biljun… Għaliex? 

Il-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, li fl-2021 kien immexxi mill-Ministru Miriam Dalli u fl-2020 minn Michael Farrugia, kien l-aktar ministeru li nefaq iżjed mill-baġit allokat għalih. Fil-fatt minkejja li s-sena ta’ qabel kellu l-baġit allokat ta’ €249.4 miljun, fl-2021 il-Ministeru nefaq €219,873,000 aktar. B’hekk l-ispiża totali għall-2021 kienet ta’ €469,247,000.  

Tajjeb li niċċaraw li n-nefqa rikorrenti - jiġifieri l-ispiża ġenerali tal-Ministeru - tinkludi: Il-pagi, l-allowances u l-overtime tal-ħaddiema, skemi u anke programmi u inizjattivi. B’hekk in-nefqa ta’ ċertu ministeri hija ikbar minn ta’ oħrajn.  

Fil-fatt b’qabża ta’ kważi kwart ta’ biljun il-Gvern jelenka numru ta’ inizjattivi li għamel dan il-Ministeru. Dawn kienu: Skemi ta’ assistenza għal waqt iż-żmien tal-pandemija kif ukoll Landscaping ta’ Malta. Apparti minn hekk dan il-Ministeru ta l-kontribuzzjoni tiegħu f’diversi entitajiet inkluż Engineering Resources Ltd u entitajiet oħra tal-Gvern fosthom Ambjent Malta. 

Ta’ min isemmi li l-Gvern tul il-perjodu mill-aktar diffiċli tal-pandemija ħareġ għonqu għal diversi impjegati u negozji bil-għan li dawn ma jispiċċawx bla sold. Fil-fatt l-ispiża totali tal-iskema tal-Wage Supplement, li baqgħet fis-seħħ sa’ Mejju 2022, swiet €733 miljun b’kollox.  

Mistoqsi mill-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Settur Marittimu u x-Xogħol, Ivan Castillo l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana poġġa fuq il-Medja tal-Kamra rendikont ta’ kif intefqu u tqassmu l-għajnuniet tal-Gvern u l-€170 biljun li ngħatat Malta mill-Unjoni Ewropea għall-irkupru mill-pandemija.  

Fl-2020 il-Gvern nefaq €380 miljun f’Wage Supplement, filwaqt li fl-2021 nefaq €353 miljun. Dan filwaqt li sa’ Marzu 2022 il-Gvern nefaq €59 miljun f’wage supplements.  

Biex nitfgħu aktar dawl fuq dawn iċ-ċifri, ftit xhur ilu l-Ministru Miriam Dalli spjegat li 30% tas-suppliment mar għal dawk in-negozji fil-qasam tal-akkomodazzjoni, ikel u aktar, 18% marru għall-bejgħ bl-imnut u t-tiswija tal-vetturi, 14% għas-settur tal-amministrazzjoni u attivitajiet ta’ appoġġ, 12% għal negozji fit-trasport, 9% għal negozji fil-manifattura, 5% għal negozji fl-arti u d-divertiment u 4% fuq oqsma oħrajn.  

‘Viva l-vawċer tal-€100' ... Il-Gvern jonfoq kważi €90 miljun fuq il-vawċers  

Intant fl-2020, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri flimkien mal-Prim Ministru ħabbru t-tqassim tal-vawċers tal-€100 għall-Maltin u Għawdxin ta’ 16-il sena u aktar. Għaldaqstant, skont iċ-ċifri ppubblikati fis-seduta Parlamentari, jidher li l-Gvern nefaq total ta’ €88.5 miljun għal din l-iskema, jiġifieri; €43.8 miljun fl-2020 u €44.7 miljun fl-2021. 

Is-saħħa: €140 miljun aktar milli allokat, inkluż għall-ftehim ta’ konċessjoni għall-Steward 

L-istess ġara fil-każ tal-Ministeru għas-Saħħa, immexxi mid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne. Fl-2021, fl-eqqel tal-pandemija, il-Gvern attribwixxa nefqa ta’ €138.1 miljun aktar minn dak allokat, għal sitt raġunijiet li fosthom kienu: Il-pandemija, it-trattamenti tal-kanċer u l-istrateġija nazzjonali għall-mard rari.  

Bħala parti mill-pakkett ta’ €170 biljun f’fondi mill-UE għall-miżuri ta’ prevenzjoni kontra l-Covid-19, dan il-Ministeru kellu allokat għalih €74 miljun fl-2020, €75 miljun fl-2021 u estimu ta’ €40 miljun għal din is-sena.  

Apparti l-pagi u l-allowances, il-Ministeru attribwixxa din in-nefqa għall-serivizzi tal-kuntrattur għal xogħlijiet ta’ manutenzjoni kif ukoll għal programmi u inizjattivi. Inkluż ukoll kienu l-mediċina, il-materjali għall-operazzjonijiet, il-manutenzjoni  tat-tagħmir u l-waiting lists għas-servizzi mediċi.  

Il-waiting lists għaliex qed jiswew lill-Gvern miljuni ta’ flus?  

Mistoqsi minn din il-gazzetta għaliex il-waiting lists fl-Isptarijiet qed jiswew lill-Gvern miljuni ta’ flus, il-Ministeru tas-Saħħa spjega li l-flus allokati għal-lista ta stennija, jirreferu għall-inizjattivi meħuda biex kemm jista’ jkun jiċċekknu dawn il-listi.  

Fost dawn l-inizjattivi li elenka l-Ministeru, għamel referenza għas-servizz ta’ radjoloġija tard bil-lejl u fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu kif ukoll operazzjonijiet fil-Ħdud u fi sptarijiet oħra premezz ta’ ftehmiet ta’ koperazzjoni mal-Isptar Mater Dei.  

Apparti minn hekk dan il-Ministeru rrimarka li tul il-perjodu tal-pandemija, uħud mill-fondi allokati, intużaw għall-bżonnijiet relatati mal-Covid-19.  

Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika (NSO), għas-sena 2020, l-ispiża totali tal-Gvern għall-isptarijiet ammontat għal madwar nofs biljun ewro.  

L-aħħar parti ta’ din in-nefqa kienet attribwita għall-konċessjonijiet tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Karin Grech, jiġifieri dawk mogħtija f’kuntratt mill-aktar kontroversjali mal-Vitals Global Healthcare (VGH) liema konċessjoni l-VGH kienet għaddiet lil Steward Health Care (SHC). Għal dawn l-aħħar snin dan il-kuntratt kien jinsab fil-qalba ta’ diversi kontroversji u dan għaliex minkejja ammonti sostanzjali ta’ fondi allokati ħafna mix-xogħol baqa’ ma sarx, inkluż ta’ San Luqa, liema binja enormi għadha fi stat ta’ abbandun.  

Fl-2021, Steward Health Care ingħata baġit ta’ €50.4 miljun. Madankollu, minkejja n-nuqqas ta’ xogħol ta’ manutenzjoni u titjib f’dawn l-isptarijiet, din il-kumpanija din is-sena reġgħet ingħatat €20 miljun oħra mit-taxxi tal-poplu; €9.3 miljun għal Karin Grech u €10.4 miljun għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Ir-raġuni wara dawn il-fondi addizzjonali huwa biex l-isptarijiet ikunu mgħammra b’aktar apparat adegwat.  

Tajjeb li nfakkru li apparti l-miljuni allokati fil-baġit, l-Gvern qed jibqa’ iħallas il-pagi tal-ħaddiema ta’ dawn it-tliet sptarijiet u anke jixtri xi makkinarju. 

Fi żmien sitt snin il-Gvern kważi nefaq €100 miljun għal ċentri ta’ childcare b’xejn 

It-tielet l-aktar Ministeru li nefaq aktar minn dak allokat kien il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, immexxi mill-Ministru Clyde Caruana li minn estimu ta’ madwar €304.6 miljun nefaq €370.7 miljun, jiġifieri differenza ta’ madwar €66 miljun. Uħud mill-inizjattivi ta’ dan il-Ministeru jinkludu ċ-childcare b’xejn, maħsub biex jimmotiva lin-nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol.  

Fil-fatt fil-Baġit tal-2022 l-Ministru Caruana ħabbar li l-iskema ta’ childcare b’xejn ġiet estiża għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu ħinijiet “diffiċli” u għaldaqstant dan ġie estiż għal filgħaxijiet, fi tmiem il-ġimgħa u għal dawk li jaħdmu b’xifts. F’perjodu ta’ sitt snin, jiġifieri mill-2014 sal-2020, il-Gvern nefaq madwar €95 miljun għal childcare b’xejn madwar Malta u Għawdex. Intant għadu mhux ċar kemm nefaq il-Gvern f’childcare b’xejn fl-2021. 

Intant fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-2022, il-Partit Laburista wiegħed li taħt it-tmexxija tiegħu se jintroduċi learning support educators (LSEs) fiċ-ċentri tac-childcare. Apparti minn hekk wiegħed li l-Gvern se jassisti negozji oħra li jissussidjaw l-ispiża ta’ childcare għall-impjegati tagħhom, permezz ta’ tnaqqis fit-taxxa sa’ massimu ta’ €35,000. 

Min-naħa l-oħra dan il-Ministeru jagħti l-kontribuzzjoni tiegħu lejn l-EU Own Funds. Dan ifisser li l-kontribuzzjoni ta’ pajjiżna lejn il-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) toħroġ minn dan il-Ministeru. Fil-fatt l-EU Own Funds huwa wieħed mis-sorsi ewlieni għall-baġit tal-UE.  

Din tinqasam f’erba’ kategoriji. L-ewwel waħda hija dik li permezz tagħha l-UE tiġbor 25% fi dwana, taxxa fuq affarjiet importati mill-istati membri tagħha. It-tieni kategorija hija ġbir ta’ VAT. Hawn l-Unjoni Ewropea tiġbor 0.3% f’VAT mingħand kull membru, sa’ massimu ta’ 50% tal-Dħul Nazzjonali Gross (GNI). Simili għal dan l-EU Own Funds jiġbor persentaġġ tal-GNI, fil-fatt dan huwa l-ikbar dħul tal-UE. L-aħħar kategorija hija l-aktar waħda ġdida u kif jgħid il-Malti, b’ġebla waħda tolqot żewġt għasafar. Din tiġbor persentaġġ minn kull pajjiż, skont l-ammont ta’ skart iġġenerat mill-ippakkeġjar tal-plastik. 

Fejn qed imorru flusek? L-aktar Ministeri li nefqu... 

  • L-aktar Ministeru li nefaq flus fl-2021 kien dak tal-Politika Soċjali. Apparti n-nefqa tal-Politika Soċjali, jiġifieri dik ta’ €390 miljun, dan il-Ministeru jinkludi fih il-Benefiċċji tas-Sigurtà Soċjali, bi spiża totali ta’ €1.1 biljun, kif ukoll il-pensjonijiet, li l-ispiża ta’ dawn kienet ta‘ €103.4 miljun. U b’helkk l-ispiża totali ta’ dan il-Ministeru għall-2021 kienet ta’ €1.6 biljun. 
     
  • Dan ġie segwit mill-Ministeru għas-Saħħa li b’kollox, in-nefqa totali tiegħu kien €896.2 miljun. Ir-raġuni għal din l-ispiża, kif elenkat aktar qabel, huma varji iżda l-ikbar impatt għal dan il-Ministeru kienet il-pandemija.  
     
  • It-tielet Ministeru bl-akbar spiża kien dak tal-Edukazjoni. B’nefqa totali ta’ €665.6 miljun, il-Gvern attribwixxa din l-ispiża għall-pagi u għal programmi u inizjattivi fosthom li jingħata trasport b’xejn. Għal din is-sena, l-Ministeru nefaq aktar għall-estensjoni ta’ din l-iskema minħabba domanda kbira li kellu.  

More in Politika